Baġit Li Jħares Lejn Il-Futur Tad-Djalogu Soċjali U L-Kundizzjonijiet Tal-Ħaddiema
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta li rridu għal uliedna, il-Ministru Carmelo Abela spjega dak li tħabbar fil-baġit għas-sena 2022, b’mod partikolari fejn għandu x’jaqsam id-djalogu soċjali, ix-xandir pubbliku, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Dwar ix-xandir pubbliku, il-Ministru Abela spjega li l-ħidma kbira li twettqet fl-aħħar xhur fil-PBS u dik li qed tkun proposta, huma mnebbħa mill-isfidi futuri f’dan is-settur kif ukoll mix-xewqa li noħolqu aktar opportunitajiet madwar l-industrija tax-xandir u karriera għaż-żgħażagħ tagħna. Sabiex il-PBS iwettaq din il-viżjoni, il-Ministru semma l-proġett, maqsum fuq tliet fażijiet, li l-PBS se tniedi biex taġġorna l-faċiltajiet u r-riżorsi tagħha. Dan jinkludi r-rivitalizzazzjoni ta’ TV House f’kumpless state-of-the-art bi studios moderni u faċilitajiet meħtieġa għal produzzjonijiet u trasmissjonijiet bl-ogħla livell; il-bini ta’ stage televiżiv bil-faċilitajiet kollha għal produzzjonijiet fi skala akbar; il-bini ta’ ċentru għall-aħbarijiet mgħammar bi studios u bil-faċilitajiet kollha f’Malex House.
B’rabta ma’ kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema, il-Ministru semma l-miżura tal-ħlas doppju għas-sigħat ta’ xogħol li jinħadmu l-Ħadd; miżura inkluża fil-baġit għas-sena 2022, li turi li dan il-Gvern qed ikompli jiġġieled il-prekarjat u dan b’kuntrast ma’ amministrazzjoni preċedenti.
Hu spjega kif il-ħidma u l-iskop tad-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) hu li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jibqgħu jiġu mħarsa. Il-Ministru semma kif id-DIER ħa numru ta’ inizjattivi ħalli jgħaddi l-informazzjoni meħtieġa biex il-ħaddiema jkunu konxji tad-drittijiet u l-kundizzjonijiet tagħhom. Għal dan il-għan, id-DIER qed jipprepara ktieb apposta li se jkun tradott b’lingwi differenti. Fost il-ħidma li qed jagħmel id-DIER insibu xogħol preparatorju dwar il-Work Life Balance Directive, kif ukoll dwar il-Wage Regulation Orders. Kif issemma fid-diskors tal-baġit, ser issir ħidma fuq portal onlajn li se tinkludi templates ta’ kuntratti tax-xogħol ħalli l-ħaddiema jkunu jistgħu jaraw x’inhuma l-kundizzjonijiet bażiċi tagħhom.
Dwar l-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM), Carmelo Abela spjega kif din is-sena saret ħidma kbira biex din l-aġenzija issaħħaħ is-servizzi ta’ informazzjoni, u ta’ assistenza għall-kisba ta’ fondi Ewropej. Sġjega kif organizzazzjonijiet volontarji, entitajiet tal-gvern, u kunsilli lokali, mhux biss jingħataw għajnuna b’xejn biex japplikaw għall-fondi, iżda jiġu assistiti fl-implimentazzjoni tal-proġetti. Is-SEM qed tikkordina d-diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa biex iċ-ċittadini jressqu l-ideat u s-suġġerimenti tagħhom.
Il-Ministru spjega wkoll il-ħidma li saret fejn jidħol il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) sabiex insaħħu d-djalogu soċjali, kif ukoll li d-diskussjoni tkun ibbażata fuq ir-riċerka bil-għajnuna ta’ numru ta’ esperti flimkien ma’ rappreżentanti mill-imsieħba soċjali. Il-Ministru rrimarka li fiż-żmien li ġej se jiġi diskuss fl-MCESD, mekkaniżmu ġdid, li huwa indipendenti mill-COLA, b’mod partikolari biex nipproteġu lill-familji l-aktar vulnerabbli.
Il-Ministru Abela semma li s-sena 2022 għandha tkun ta’ sfida għall-Privatisation Unit (PU), fejn apparti l-proġetti li għaddejjin bħalissa, il-PU se tkun responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Konċessjoni għad-Drittijiet tal-Lotterija Nazzjonali, li mistennija tiġġenera minimu ta’ 40 miljun ewro bħala dħul fil-fondi pubbliċi.
Il-Ministru Abela kkonkluda kif il-miżuri mħabbra fil-Baġit 2022, se jkomplu jżidu r-rata tat-twettieq tal-manifest elettorali, li s’issa twettaq ftit iktar minn 87%.