“Baġit Li Jirrifletti N-Nuqqas Ta’ Konsultazzjoni Fil-Qasam Edukattiv” – L-MUT

 “Baġit Li Jirrifletti N-Nuqqas Ta’ Konsultazzjoni Fil-Qasam Edukattiv” – L-MUT

Fi stqarrija mill-Malta Union of Teachers intqal li l-MUT u l-edukaturi ma kinux involuti fil-process ta’ konsultazzjoni tal-bagit.

“Flok ma għandna baġit li jagħti viżjoni lill-qasam edukattiv, għandna wieħed li qiegħed ikompli jinjora l-isfidi fil-qasam. Għaldaqstant, f’dan il-baġit, bħal ħafna oħrajn qablu, wieħed jinnota l-aktar dak li tħalla barra aktar milli dak li ntqal”, qalet l-MUT.

Intqal ukoll li l-bagit isemmi li ser isiru Autism Units fl-iskejjel u ma jirrikonoxxix l-isforzi li saru, u qed isiru, minn ħafna skejjel sabiex joħolqu dawn l-ispazji li diġà jeżistu fl-iskejjel. “Isemmi li ser jipprovdi servizzi ta’ għajnuna lil studenti b’diżabiltà wara l-post sekondarja meta huwa ċar li dan is-servizz huwa meħtieġ fil-post sekondarja. Isemmi t-tisħiħ professjonali, li jinkludi l-LSEs u l-KGEs, li huwa tajjeb, meta dan sar b’liġi li ilha snin li għaddiet u għadha ma ġietx implimentata. Isemmi r-rabtiet tal-edukazzjoni mal-industrija u l-ħiliet neċessarji meta l-għan tal-edukazzjoni għandu jibqa’ dak li jwassal lil kull student sabiex jilħaq il-potenzjal u m’għandu qatt ikun sostitwit minn għanijiet oħra.”

“Il-baġit iħalli barra wkoll pjan sabiex jiġi mirbuħa numru ta’ sfidi; eżempju, l-pjan għall-kriżi ta’ nuqqas ta’ għalliema, li fl-aħħar ġimgħat ħalliet konsegwenzi fuq għadd ta’ edukaturi li rċivew deployment fl-aħħar jiem qabel bdiet l-iskola. Qalu li kien hemm stennija li għallinqas tiġi rikonoxxuta bħala problema bi pjan għas-snin li ġejjin. Tħallew barra wkoll inċentivi biex jiġu attirati żgħażagħ lejn il-professjoni. Tħallew barra miżuri sabiex l-edukaturi jingħataw l-għodod biex jaħdmu. Thalliet barra viżjoni fit-tul għall-qasam edukattiv li l-pajjiż tant għandu bżonn.”

“L-MUT għaldaqstant tħoss li l-Gvern mhux qiegħed jieħu d-diffikultajiet fil-qasam edukattiv bis-serjetà u mhux qed jagħti każ x’qed jgħidu l-edukaturi. L-MUT ser tkun qed tara l-estimi dettaljati u d-diskorsi tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u tispera li fihom ikun hemm aktar tweġibiet għal dawn il-problemi.” Hekk temmet tgħid l-istqarrija mill-MUT.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com