Ċerimonja Ta’ Għoti Ta’ Midalji Għal Servizz Twil U Effiċjenti Fil-Korp Tal-Pulizija
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, ppresedew ċerimonja tal-għoti tal-Midalji għal Servizz Twil u Effiċjenti, fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana.
71 membru tal-Korp tal-Pulizija ngħataw midalja għal servizz twil u effiċjenti li tingħata mat-18-il sena servizz. 109 membri u eks-membri tal-Korp ingħataw l-ewwel clasp li tingħata mal-25 sena ta’ servizz, filwaqt li 10 membri u eks-membri tal-Korp ingħataw it-tieni clasp, li tingħata mat-30 sena servizz.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Byron Camilleri rringrazzja lill-uffiċjali tas-servizz tagħhom lill-Maltin u l-Għawdxin. “Intom dħaltu għal dan ix-xogħol għax intom persuni ta’ karattru u tħobbu lill-pajjiżkom. Persuni bħalkom verament tagħmlulna ġieħ,” qal il-Ministru. Huwa spjega kif il-Korp tal-Pulizija għaddej minn proċess ta’ bidla hekk kif qed tiġi implimentata l-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni li se twassal biex ikollna Korp aktar b’saħħtu u modern. Għaldaqstant, huwa appella lill-uffiċjali sabiex huma wkoll jixprunaw din il-bidla bil-għan li jkollna Korp tal-Pulizija li huwa aktar viċin in-nies.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, qal li l-okkażjoni tal-lum huwa rikonoxximent lejn dawk l-uffiċjali li taw snin twil ta’ servizz b’mod effiċjenti. Huwa qal li kull membru, min għadu jservi fil-Korpu dawk li rtiraw bis-snin, għandhom iħossuhom kburin bil-ħidma tagħhom fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
“L-għan tal-Korp tal-Pulizija hu li nkattru l-fiduċja u biex il-pubbliku jkompli jafdana, kif dan qiegħed jidher mill-aħħar stħarriġ li sar, bil-fiduċja fil-Korp kompliet tiżdied. U dan jista’ jsir biss billi kull membru jibqa’ jħaddan il-valuri tal-Korp tal-Pulizija li huma tradotti fid-dokument tal-Kodiċi ta’ Etika, kif ukoll permezz tal-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni”, qal il-Kummissarju tal-Pulizija.