Diskussa S-Sostenibbiltà Fl-Intrapriżi U T-Tranżazzjoni Li Għaddejja

 Diskussa S-Sostenibbiltà Fl-Intrapriżi U T-Tranżazzjoni Li Għaddejja

Diversi negozji, rappreżentanti u partijiet interessati ewlenin f’Malta ddiskutew is-sostenibbiltà fl-intrapriżi u spjegaw li din it-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà diġà bdiet.

F’konferenza organizzata mill-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli flimkien mar-Rappreżentanza tal-Kumissjoni Ewropea f’Malta, ġew diskussi diversi temi relatati mas-sostenibbiltà, fosthom kif intrapriżi għandhom jilħqu livell ta’ sostenibbiltà, kif proġetti ekoloġiċi jistgħu jwasslu għal negozji innovattivi, u kif inizjattivi ekonomiċi, soċjali u governattivi jistgħu jwasslu għal aktar investiment u għalhekk jattiraw iktar negozji.

“Il-viżjoni tagħna għal Malta u Għawdex hija waħda ambizzjuża, għalhekk qed nissieħbu ma’ diversi partijiet interessati biex flimkien inkunu nistgħu nimplimentaw din il-viżjoni. Irridu nilħqu d-dekarbonizzazjoni sal-2050, li għalkemm tinstema’ fil-bogħod, irridu minn issa nimxu fid-direzzjoni t-tajba. Bħala pajjiż Malta miexja b’determinazzjoni lejn ekonomija li ma tniġġisx”, qalet il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.

Spjegat ukoll kif dawn is-soluzzjonijiet  għandhom jiġu implimentati minn kull settur ekonomiku. Il-pass li jmiss lejn ekonomija nadifa hija li bħala pajjiż ikollna ekosistema li effetivament tippermetti din it-tranżizzjoni.

Matul il-konferenza diversi kelliema saħqu li l-intrapriżi għandhom ikunu aktar sostenibbli u li l-kumpaniji tagħhom qed ikunu parti minn din it-tranżizzjoni. Mistiedna minn setturi varji tkellmu fuq kif din il-bidla għandha tiġi minn bidla fil-kultura, imbuttata minn fondi pubbliċi u Ewropej u kapital mill-privat.

Fost il-kelliema li pparteċipaw f’din id-diskussjoni il-kelliem ewlieni u eks membru tal-Kumissjoni Ewropea Karmenu Vella saħaq dwar kif l-ekonomija l-blu ġġib magħha diversi opportunitajiet, u li Malta għandha tagħti sehem fiha biex tkompli tifrex iktar il-viżjoni tagħha.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur għall-Ekonomija Ċirkulari u Tkabbir Ambjentali fi ħdan il-Kumissjoni Ewropea, Kestutis Sadauskas, enfasizza li huwa ħafna iktar diffiċli tagħmel tajjeb għall-problemi li joħloq it-tibdil fil-klima milli tipprevjenih. “L-aħbar tajba hija li permezz tas-sostenibbiltà, jirriżultaw aktar profitti. Meta nnaqqsu d-dipendenza fuq il-materja prima nkunu inqas vulnerabbli. Għalhekk is-sostenibbiltà u l-ekonomija ċirkulari huma s-soluzzjoni biex nimxu ‘l quddiem.”

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com