“Dwar L-Immigrazzjoni Dawk Li Jfasslu L-Politika Tal-UE M’Għandhomx Soluzzjonijiet Li Japplikaw Għall-Ewropa Kollha” – Alfred Sant
L-eks Prim Ministru u Kap tad-Delegazzjoni Maltija tal-S&D fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant ikkundanna bis-sħiħ kull abbuż tad-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti u ddeplora l-imwiet ta’ immigranti irregolari li qed jippruvaw jidħlu fl-Ewropa. Madanakollu, saħaq li f’dan ir-rigward il-problema ewlenija hija li “dawk li jfasslu l-politika tal-UE m’għandhomx soluzzjonijiet li japplikaw għall-Ewropa kollha.” Barra minn hekk, Sant staqsa jekk l-UE hijiex tagħmel sforz biżżejjed biex tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin madwar il-Mediterran.
F’dikjarazzjoni għad-dibattitu plenarju dwar il-pushbacks fil-fruntiera esterna tal-UE, li tnieda wara artiklu ppubblikat f’Ottubru minn Lighthouse Reports li kixef kampanja ta’ pushbacks illegali u brutali fil-Kroazja, il-Greċja u r-Rumanija, Sant iddikjara li r-reġjuni li jinsabu fil-fruntiera esterna tal-UE, partikolarment il-gżejjer, ġew milquta ħażin minn kriżi fit-turiżmu, u ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija u tat-trasport għamlu s-sitwazzjoni agħar milli kienet qabel.
Sadanittant, minkejja n-numru kbir u infinit ta’ immigranti ta’ dawn l-aħħar għoxrin sena, l-UE ma ħarġitx b’ “appoġġ koerenti u fit-tul” biex tgħin lil dawk il-pajjiżi li ġew l-agħar milquta mid-dħul qawwi ta’ immigranti irregolari. Minkejja dan, Sant enfasizza li din ma kinitx skuża biex jiġu abbandunati l-immigranti li qed jippruvaw jaqsmu lejn il-Kontinent Ewropew.
L-MPE Laburista enfasizza li l-UE għandha titkellem fil-miftuħ u b’mod onest dwar l-isforzi tagħha biex tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin fil-Mediterran sabiex tevita li aktar immigranti jispiċċaw f’xifer disprament, u għalhekk staqsa “L-Ewropa qed tagħlaq għajnejha għal din l-attività kriminali orribli?”