€48 Miljun Allokat Lill-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Governanza Fil-Budget Għas-Sena 2022

 €48 Miljun Allokat Lill-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Governanza Fil-Budget Għas-Sena 2022

Fil-Baġit għas-sena 2022, il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Governanza ġie allokat €48 miljun, b’ żieda ta’ 45% fuq is-sena li għaddiet, sabiex jiġu investiti fi proġetti ġodda fil-qasam tal-ġustizzja.

F’konferenza dalgħodu l-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis stqarr li, “Permezz ta’ dan il-baġit, se nkomplu nagħtu prijorità lill-buon governanza u s-saltna tad-dritt. Se nkomplu nwettqu dan sabiex inkomplu nsaħħu lill-istituzzjonijiet tagħna u r-reputazzjoni tagħna barra minn xtutna. Din hija turija ċara li dan il-​gvern verament jemmen fil-ġustizzja, il-buon governanza u s-saltna tad-dritt”.

Ntqal kif f’dan il-Budget l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti ġiet allokata 20% aktar mis-sena l-oħra sabiex issaħħaħ l-operat tagħha. Fis-sena 2022, se tinbena awla ġdida fil-bini preżenti tal-Qorti ta’ Malta li permezz tagħha huwa stmat li kull sena jkun hemm żieda ta’ 5,180 seduta, li tfisser żieda ta’ kważi 4% fl-ammont ta’ seduti fis-sena.

Il-Ministru Zammit Lewis qal ukoll li l-investiment fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat u tal-Avukat Ġenerali fis-sena 2022 se jkompli. Ġew allokati €2 miljun sabiex jitwettqu proġetti ġodda. Ġew allokati wkoll €2.25 miljun, żieda ta’ 32% mis-sena 2021, sabiex dan l-uffiċċju jkompli jinvesti fl-operat u r-riżorsi umani tiegħu.

F’dan il-Baġit, ġiet imħabbra żieda ta’ 16% fuq is-sena li għaddiet fl-allokazzjoni għall-proġetti tat-teknoloġija u l-informatika. Permezz ta’ din l-allokazzjoni, se jkompli jiġi aċċertat li l-entitajiet jibqgħu jiġu mgħammra bl-aħħar teknoloġija u l-impjegati jibqgħu jiġu mħarrġa.

Issemma wkoll kif tkompla l-investiment fl-Aġenzija għall-Għajnuna Legali sabiex ikomplu jiġu msaħħa r-riżorsi tagħha. L-allokazzjoni f’dan l-operat żdiedet għal €630 elf – żieda ta 7% fuq is-sena li għaddiet.

Il-Ministru Zammit Lewis għalaq id-diskors tiegħu billi fakkar illi kien dan il-Gvern li rnexxielu jagħmel riformi u investiment bla preċedent. Dan ix-xogħol u l-investiment kollu qiegħed jiġi rikonoxxut fuq livell internazzjonali u Ewropew – inkluż mill-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea Ursula Von der Leyen, fl-indirizz tagħha fl-Istate of the Union, fejn irrikonoxxiet ir-riformi li wettaqna.

“Għal dan l-għan u għall-interess taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, dan il-gvern se jkompli jaħdem bla waqfien biex ikompli jkollna sistema ta’ ġustizzja effettiva u effiċjenti li verament ma tħares lejn wiċċ ħadd. Ir-riformi u l-governanza t-tajba saru sinonimi mal-amministrazzjoni Robert Abela. Dan huwa l-gvern li qed jaħdem u jinvesti f’Malta aħjar għal uliedna,” qal il-Ministru Zammit Lewis.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com