“Edukaturi Professjonali U Mmotivati Huma Ċ-Ċavetta Għall-Edukazzjoni Ta’ Kwalità Għal Uliedna” – Il-PN

 “Edukaturi Professjonali U Mmotivati Huma Ċ-Ċavetta Għall-Edukazzjoni Ta’ Kwalità Għal Uliedna” – Il-PN

Il-Partit Nazzjonalista jsellem u jagħti r-rispett dovut lill-edukaturi kollha fil-Jum Internazzjonali ddedikat lill-Għalliema. F’wiċċ ċirkostanzi diffiċli għalihom, l-għalliema urew professjonalitá kbira meta għamlu minn kollox biex xorta jipprovdu l-aqwa edukazzjoni possibli għal uliedna.

Dan ntqal mill-Kelliem tal-PN għall-Edukazzjoni u Sport Clyde Puli fejn qal li f’dan il-Jum speċjali iddedikat għalihom, il-PN jingħaqad mal-Unesco u l-ILO u jikkommetti ruħu li jipprioritizza l-professjoni tal-edukatur billi jżid l-investiment fihom bħala l-pilastru ewlieni ta’ strateġija li tfittex l-aqwa edukazzjoni ta’ kwalità għal uliedna. “Edukaturi professjonali u mmotivati huma ċ-ċavetta għall-edukazzjoni ta’ kwalità għal uliedna,” tenna Puli.

Il-PN fl-istqarrija jerġa’ jtenni l-wegħda tiegħu li huwa se jżid is-salarji u l-inċentivi tal-edukaturi biex jattira aktar nies kwalifikati lejn il-professjoni filwaqt li jżomm fis-sistema edukattiva lil dawk l-għalliema t’esperjenza. B’hekk ukoll nindirizzaw il-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema li għandna bħalissa. Il-PN jtenni wkoll li se jżid it-teknoloġija għall-għalliema u t-tfal kollha filwaqt li jżid il-professjonisti fl-iskejjel biex jgħinu lill-għalliema jilħqu li tfal bi sfidi psikoloġiċi, emozzjonali u soċjali.  “Hekk biss nistgħu nassiguraw li uliedna jirnexxu lkoll u li finalment ninqalgħu mill-agħar postijiet tal-early school leavers u kejl internazzjonali ieħor,” saħaq Clyde Puli.

Huwa tenna li l-PN jinsab mħasseb bis-sitwazzjoni preżenti fejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħareġ mandat ta’ inibizzjoni minflok stinka biex jiddjaloga u jimmotiva lill-għalliema fl-aħjar interess tal-istude​nt.

Il-PN ikkonkluda li jinsab wara l-għalliema u l-istudenti u jerġa’ jsejjaħ għal djalogu kostruttiv biex tissolva s-sitwazzjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com