Eġizzjan Tressaq Il-Qorti Akkużat Li Kkaġuna Ġrieħi Fuq Persuna U Ġarr Arma Bil-Ponta

Ilbieraħ, il-Pulizija ressqet b’arrest fil-Qorti t’Għawdex, quddiem il-Maġistrat Dr Simone Grech, Eġizzjan ta’ 28 sena residenti l-Munxar, Għawdex.
Hu ġie akkużat li fil-15 ta’ Ottubru, għall-ħabta tas-7:30am, fit-Triq ir-Ranċiż, il-Munxar, Għawdex, ikkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa lil persuna oħra u li ġarr arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr il-permess tal-Kummissarju.
Ir-raġel ġie akkużat ukoll li kiser il-bon ordni u l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu mill-Qorti.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.