Festivals Malta Jirċievi 170 Sottomissjoni Għat-Tieni Edizzjoni Ta’ Mużika Mużika
Aktar kmieni din is-sena, l-Festival Kanzunetta Maltija ra r-ritorn tiegħu permezz tal-festival Mużika Mużika. Il-festival intlaqa’ b’mod tajjeb mill-udjenza televiżiva, b’aktar minn 320,000 telespettatur fuq medda ta’ tlett ijiem.
Tul dawn l-aħħar xhur, Festivals Malta beda bil-kampanja tiegħu għat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika, hekk kif l-aġenzija bdiet tilqa’ s-sottomissjonijiet minn Lulju. Il-Ġimgħa li għaddiet fil-15 t’Ottubru, l-applikazzjonijiet uffiċjalment għalqu, b’riżultat ta’ 170 sottomissjoni minn artisti lokali.
Fi stqarrija ċ-Chairman ta’ Mużika Mużika, Mr Raymond Bugeja qal li wara s-suċċess li kellha l-ewwel edizzjoni tal-festival, kien mistenni li l-volum ta’ sottomissjonijiet għat-tieni sena tiegħu jiżdied. “Il-konkorrenza li kellna din is-sena kienet akbar minn dik tas-sena li għaddiet. Dan juri l-importanza ta’ dan il-festival, li reġa ta pjattaforma xierqa lill-mużika Maltija. L-ammont ta’ sottomissjonijiet jagħti prova ċara li dan il-festival qiegħed hemm biex jibqa’,” ikkonkluda s-Sur Bugeja.
It-tim ta’ Festivals Malta issa ser ikun qiegħed jipproċedi għall-fażi li jmiss fej il-kanzunetti sottomessi jiġu evalwati minn ġurija esperta. L-aħjar 35 kanzunetta li jintgħażlu ser jiġu esebiti quddiem ġurija differenti minn dik tal-ewwel fażi. Wara l-live auditions, jintgħażlu l-għoxrin kanzunetta semifinalista li magħhom ser jingħaqad ukoll ir-rebbieħ tal-programm televiżiv Mużika Mużika l-Vjaġġ Ikompli biex jikkompetu waqt il-festival bejn l-24 u s-26 ta’ Marzu 2022.
Festivals Malta jirringrazzja lil kull min ssottometta l-applikazzjoni tiegħu għal dan il-festival.
Ritratt: Facebook / Mużika Mużika