“Fi Żmien L-Eks Kummissarju Lawrence Cutajar Saru Proċessi Fittizji U Vvizzjati” – Il-PN

 “Fi Żmien L-Eks Kummissarju Lawrence Cutajar Saru Proċessi Fittizji U Vvizzjati” – Il-PN

F’reazzjoni dwar ir-rapport tal-Ombusman li tkellmet dwaru dalgħodu t-Times of Malta, il-Partit Nazzjonalista qal li “din hija konferma mill-ġdid illi fil-Korp tal-Pulizija mmexxi mill-eks kummissarju Lawrence Cutajar saru proċessi fittizji u vvizzjata li permezz tagħhom nies validi fil-korp inqabżu, twarrbu u ngħataw il-ġenb.”

Il-PN saħaq li l-Ombudsman għal darba oħra kkonferma illi l-proċessi ta’ promozzjoni fil-pulizija spiċċaw “parodija” fejn numru ta’ membri li qatt ma kellhom javvanzaw, spiċċaw ġew aġevolati, mentri membri onesti ħabrieka u bi track record impekkabbli spiċċaw imwarrba u maqbuża.

Il-Partit Nazzjonalista esprima solidarjetà mal-eks-supretendenti Carmelo Bartolo u Raymond D’Anastasi, li kienu vittma ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

Fi stqarrija ntqal li l-Kummissarju preżenti għandu responsabbiltà kbira fuq spallejh u jrid jara min kien vittma ta dawn l-inġustizzji u jingħata rimedji li jixirqu. Ntqal ukoll li għandu responsabbiltà li jara li min kien il-moħħ wara dawn l-inġustizzji, u ċioe l eks- kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, jiġi investigat u jittieħdu passi fil-konfront tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq illi sakemm jibqa’ jkollna korp tal-Pulizija b’indħil politiku fejn dawk ta’ ġewwa jibqgħu protetti u l-onesti u l-bieżla jiġu mwarrba, ser jibqa’ jkollna korp li jitlef l-aqwa elementi fi ħdanu. “Ser jibqa’ jkollna korp li ma jattirax l-aqwa nies lejh,” tenna jgħid il-PN.

“Huwa għalhekk illi huwa biss il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern illi jista’ jassigura li jkollna Korp tal Pulizija fuq in-naħa taċ-ċittadin onest, fuq in-naħa tal-membri tal-korp onesti u ħabrieka. Korp li ma jħares lejn wiċċ ħadd. Korp li jassigura li sseħħ il-ġustizzja,” temm jgħid il-PN.

Ritratt: NET News

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com