Ftehim B’Investiment Ta’ €1 Miljun Għall-Prevenzjoni U L-Kura Kontra L-Abbuż Mill-Vizzji

 Ftehim B’Investiment Ta’ €1 Miljun Għall-Prevenzjoni U L-Kura Kontra L-Abbuż Mill-Vizzji

Se jkunu pprovduti aktar servizzi mill-Aġenzija Sedqa għat-tisħiħ tal-prevenzjoni u l-kura kontra l-abbuż mill-vizzji.  Dan il-ftehim se jsir b’investiment totali ta’ €1 miljun.

Dan sar possibbli permezz ta’ ftehim bejn il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Fondazzjoni responsabbli mis-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal.

B’dan il-ftehim se ssir ħidma fuq erba’ oqsma ewlenin, li jinkludu l-konsolidazzjoni u t-tisħiħ tal-programmi ta’ prevenzjoni attwali, l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ġodda fi skejjel post-sekondarji, viżibilità tas-servizzi pprovduti, u d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem biex taħdem ma’ nies b’diffikultajiet ta’ dipendenza.

Il-ftehim għandu l-għan ukoll li jwessa’ l-kampanji ta’ għarfien dwar il-prevenzjoni permezz ta’ website u faċilità ta’ chat online. Dawn il-faċilitajiet online immexxija mill-FSWS se jkunu qed jipprovdu għajnuna aċċessibbli għal kulħadd, faċli biex tintuża u konvenjenti għal dawk l-udjenzi partikolari li għalihom huma maħsuba dawn l-inizjattivi ta’ prevenzjoni.

L-Aġenzija Sedqa, f’isem l-FSWS, u d-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem diġà kkollaboraw fl-aħħar snin f’ħidma f’dan ir-rigward. Dan il-ftehim għalhekk għandu l-għan li jespandi aktar l-interventi ta’ Sedqa dwar abbuż ta’ sustanzi u dipendenzi b’mod li jintlaħqu aktar studenti fl-iskejjel Primarji, Sekondarji u Post-sekondarji, kif ukoll adulti fil-postijiet tax-xogħol u permezz ta’ interventi fil-komunità.

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li dan il-programm qed jimmira li joħloq aktar għarfien minn etajiet żgħar sa mill-iskola Primarja, Sekondarja u anke dik Terzjarja. Il-professjonisti fi ħdan l-FSWS se jkunu qed jieħdu ħsieb it-taħriġ sabiex jgħaddu iktar għarfien u struttura lill-edukaturi. L-FSWS għalhekk se tkun fdata biex tmexxi l-programmi  T.F.A.L, S.A.F.E u l-programm Think Outside the Box.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici, qal li l-għan tagħna qabel xejn, huwa li nedukaw u nipprevjenu l-użu jew abbuż ta’ sustanzi, iżda jinkludi wkoll li nipprovdu taħriġ lill-ħaddiema fis-servizzi residenzjali biex ikunu aktar preparati biex jgħinu lill-klijenti tagħhom b’dinjità u rispett anke meta jkunu għaddejjin minn diffikultajiet ta’ dipendenza,” qal il-Ministru Bonnici.

Huwa qal li dan il-ftehim isegwi t-tnedija tal-iskema Young Achievers li saret din il-ġimgħa u li għandha l-għan li tinvolvi l-għaqdiet u l-komunitajiet fit-twassil ta’ messaġġi favur il-prevenzjoni f’postijiet iffrekwentati miz-żgħażagħ.​​​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com