Ftehim Soċjali Ta’ Aktar Minn €1 Miljun Għal Vittmi Ta’ Vjolenza Domestika
Intlaħaq ftehim soċjali biex ikunu jistgħu jibqgħu joperaw żewġ residenzi li jilqgħu vittmi ta’ vjolenza domestika u lill-familjari tagħhom. Dan il-ftehim ġie ssiġillat nhar it-Tnejn waranofsinhar bejn il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u Dar Merħba Bik.
Dan sar possibbli b’investiment ta’ ftit iktar minn miljun ewro fuq medda ta’ tliet snin. B’hekk, dan il-ftehim reġa’ ġie estiż.
Dar Merħba Bik u Dar Santa Bakhita jilqgħu nisa flimkien mat-tfal tagħhom li jkunu spiċċaw f’sitwazzjoni ta’ periklu minħabba vjolenza domestika. Il-Gvern, permezz tal-FSWS, se jiffinanzja t-tmexxija ta’ dawn iż-żewġ residenzi permezz ta’ programm residenzjali alternattiv f’xelter ta’ emerġenza għal dawk li jkunu spiċċaw f’periklu.
Dar Santa Bakhita sservi ta’ semi-independent living, bil-għan aħħari li jintegra dawn il-vittmi lura fis-soċjetà biex jerġgħu jgħixu l-aqwa ħajja possibbli wara l-esperjenza trawmatika li jkunu għaddew minnha.
“Dan il-gvern se jibqa’ impenjat li jgħin lil dawn il-vittmi. Kuntent li żdied ħafna l-għarfien matul l-aħħar snin, u għalhekk il-bżonn li nkomplu ninvestu f’kull persuna. Kull bniedem fis-soċjetà huwa importanti, u mingħajr ebda preġudizzju għandna naraw li ninkludu lil kulħadd”, qal il-Ministru Michael Falzon.
Ritratti: DOI