Għaliex Il-Knisja Tad-Dumnikani Fil-Birgu Qed Tkun Mixgħulha Bħalissa?
Fl-okkażjoni tal-450 sena mit-twaqqif tal-Ewwel Fratellanza tar-Rużarju f’Malta fil-Knisja tad-Dumnikani tal-Lunzjata, il-Birgu nġiebet mill-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore l-mitra tal-Papa Dumnikan San Piju V, protettur tal-Provinċja Dumnikana Maltija.
Il-Papa Dumnikan San Piju V għandu rabtiet kbar ma’ Malta partikolarment għall-għajnuna li ta lill-Kavallieri fil-bini tal-Belt Valletta. Iżda huwa ukoll marbut mal-Provinċja Dumnikana Maltija mhux biss għaliex huwa l-protettur tagħha, imma għaliex b’digriet tat-2 ta’ Lulju 1571, ħatar lill-Pirjol tal-Lunzjata, P. Damjan bħala l-ewwel kappillan tal-Parroċċa tal-Portu Salvu, li kienet l-ewwel parroċċa fil-Belt Valletta.
Min naħa l-oħra, San Piju V huwa ukoll il-fundatur tal-festa tal-Madonna tar-Rużarju, wara li attribwixxa r-rebħa tal-insara f’Lepanto fl-1571 għal din it-talba. Il-kult lejn il-Verġni Mbierka tas-Santissimu Rużarju fil-Knisja tal-Lunzjata tal-Birgu jmur lura lejn l-1540 bl-ewwel artal iddedikat lilha flimkien ma’ dak tal-Knisja tad-Dumnikani tar-Rabat. Ftit wara l-Battalja ta’ Lepanto fl-1571 fil-Knisja tad-Dumnikani tal-Birgu nsibu diġà żewġ testmenti mħollija mħollija lill-Fratellanza tar-Rużarju, xhieda li din il-Fratellanza kienet diġà mwaqqfa tal-anqas sa mill-1571.
Il-festi f’ġieħ il-Madonna tar-Rużarju jilħqu l-qofol tagħhom fil-Knisja tal-Lunzjata tal-Birgu nhar il-Ħadd 3 t’Ottubru 2021, bil-Pontifikal Solenni fl-10am mmexxi mill-Eċċ. T. Mons. Arċisqof Alessandro d’Errico, Nunzju Appostoliku.
Filgħaxija fis-6:30 issir t-Talba talGħasar Solenni, barka sagramentali, repożizzjoni tar-relikwija. Fis-7:30pm imbagħad jittella’ kunċert mużikali quddiem il-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata mill-Kor residenzjali tal-Knisja tal-Lunzajta Princeps Melitae taħt id-direzzjoni tas-surmast Stephen Camilleri. Jagħmel iddiskors tal-okkażjoni P. Tonio Mallia Milanes O.P.