“Għall-Partit Nazjonalista L-Anzjani Dejjem Kienu, Għadhom U Ser Jibqgħu Fiċ-Ċentru Tal-Politika Tiegħu” – Maria Deguara

 “Għall-Partit Nazjonalista L-Anzjani Dejjem Kienu, Għadhom U Ser Jibqgħu Fiċ-Ċentru Tal-Politika Tiegħu” – Maria Deguara

Fil-jum iddedikat lill-anzjani il-Partit Nazjonalista għal darba oħra jifraħ u jirringrazzja lill-anzjani għas-sehem u l-kontribut siewi li taw fil-mixja tagħna l-quddiem bħala nazzjon. Jirringrazzjahom ukoll tas-sagrifiċċji li għamlu waqt il-pandemijja tal-Covid-19.

Għall-Partit Nazjonalista l-anzjani dejjem kienu, għadhom u ser jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Dan ma ngħiduhx biss bil-kliem iżda wettaqnieh bil-fatti kull meta fil-gvern.

Għall-Partit Nazzjonalista post l-anzjan jibqa’ fil-komunitá fejn trabba u għex, indukrat b’servizzi ta’ l-ogħla kwalitá u viċin familjari li jgħożżuħ. Kien dan l-istess twemmin li fil-passat wassal għall-introduzzjoni ta’ servizzi bħat-telecare, il-meals on wheels, il-handyman services u il-home help fost numru ta’ servizzi oħra. Partit Nazzjonalista fil-gvern ġab revoluzzjoni fil-qasam ta’ l-anzjani bit-twaqqif ta’ sptar iddedikat għar-riabilitazjoni u rinnovament qawwi u tkabbir fir-residenza San Vincenz De Paul.

Għal darba oħra Gvern ġdid immexxi minn Dr. Bernard Grech jibqa’ kommess li jiżgura li l-pensjonijiet ikunu tali li mhux biss ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja imma aktar minn hekk jiggarantixxu ħajja ta’ kwalitá. Għalhekk minn issa qed iwiegħed li ser jżid il-penzjonijiet, jżid u jkompli jsaħħaħ is-servizzi sew residenzjali kif ukoll fil-komunitá u jiżgura li dawn jkunu aktar faċilment aċċessibbli u li jingħataw mingħajr dewmien.

Kommess ukoll li jġħin dawk il-pensjonanti li jixtiequ jibqgħu attivi fid-dinja tax-xoghol permess ta’ skemi li jinċentivawhom. Fost dawn hemm propost tnaqqis tar-rata tat-taxxa sew fuq qliegħ kif ukoll fuq investimenti.

L-għan aħħari hu li l-anzjani kollha jkunu garantiti pensjoni li mhux biss ma tħallihomx jersqu lejn ix-xifer tal-povertá imma tkun tali li tiżgura livell ta’ għejxien diċenti li jirrispetta d-dinjita’ tal-bniedem.

Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti garanzija li bħal dejjem ser jibqa’ l-ħin kollu viċin l-anzjani biex leħinhom u l-aspirazzjonijiet tagħhom jinstemgħu. Għal dan il-għan ser jinsisti biex l-anzjani ikunu rappreżentati fiżikament kull fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet li jolqtuhom direttament.

Dan intqal fi stqarrija minn Maria Deguara fi ħdan il-Partit Nazzjonalista; Kelliema għall-anzjani u l-kura fil-komunitá.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com