“Ħallini Ta’ Għax Inkiser L-Awla” – Tifel Ta’ 14-il Sena Wara Li Tressaq Il-Qorti U Nżamm Arrestat
Żewġ subien ta’ 14 u 15-il sena nżammu arrestati wara li ġew mixlija li serqu erba’ karozzi, għamlu ħsara fuqhom, li serqu pjanċi tal-karozzi u flus kontanti fost affarijiet oħra. Bejniethom huma ġew mixlijin bi 23 akkuża.
Hekk kif is-subien kienu se jittieħdu fit-Taqsima tal-Young Offender’s Unit, wieħed minnhom dak ta’ 14-il sena, qal lill-uffiċjal tal-Pulizija li kien se jimmanettjah, “ħallini ta’ għax inkiser l-awla.”
Iż-żewġ subien wieħed minn Ħal Safi li kien akkumpanjat mill-ġenituri tiegħu filwaqt li l-ieħor mill-Mosta li kien akkumpanjat minn nannuh wieġbu mhux ħatja għall-akkużi. Preżenti fl-awla tal-Qorti kien hemm ukoll uffiċjal tal-probation u social worker.
Il-Pulizija qalet li l-allegati reati saru fil-bidu ta’ Ottubru ta’ dan ix-xahar u bejn it-22 u l-24 ta’ l-istess xahar. Allegatament sar reat ukoll minn wieħed mis-subien f’Awwissu li għadda. Huma serqu karozzi minn Birkirkara, Marsaskala, San Pawl il-Baħar u minn Naxxar.
Huma ġew akkużati wkoll li fl-istess jiem serqu żewġ pjanċi minn Tal-Pietà u li dawn intużaw fuq karozza oħra. Ġew mixlija wkoll li għamlu ħsara fuq numru ta’ karozzi, serqu flus kontanti, ċavetta ta’ karozza u li serqu wkoll ċavetta ta’ karozza minn Ħaż-Żebbuġ. Huma ġew mixlija wkoll li kellhom ukoll turnavit li heddu persuna bih.
L-Avukat David Gatt, li deher f’isem iż-żagħżugħ ta’ 15-il sena talab il-ħelsien mill-arrest għall-klijent tiegħu. L-Avukat Leontine Calleja, li kienet qed tiddefendi liż-żagħżugħ ta’ 14-il sena, pero’ ma għamlitx l-istess talba.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, u żiedet li kien hemm ammont sostanzjali ta’ akkużi. L-akkużi “kienu serji ħafna fl-opinjoni tiegħi,” irrimarkat l-Ispettur.
“Naqblu li l-akkużat instab passiġġier f’karozza Isuzu?”, staqsa l-avukat Gatt, bl-Ispettur Christabelle Chetcuti twieġeb fl-affermattiv, iżda qalet li meta s-subien ġew arrestati u saret it-tfittxija kellhom ħafna dokumenti ta’ nies oħra, u li dawn qablu ma rapporti ta’ individwi li nsterqulhom oġġetti mill-karozzi tagħhom.
L-Ispettur Chetcuti qalet ukoll li l-akkużat ta’ 14-il sena kkopera bis-sħiħ mal-Pulizija. L-Avukat David Gatt, sostna li l-klijent tiegħu għażel li ma jweġibx mistoqsijiet kif kellu dritt li jagħmel, filwaqt li rrimarka li ż-żagħżugħ ma kellu l-ebda rekord kriminali, b’differenza mill-akkużat l-ieħor.
Il-Maġistrat Doreen Clarke wara li semgħet kollox fid-dawl tal-allegat reati lill-akkużanti, il-biża’ li sar tbagħbis fil-provi, u ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ċaħdet il-libertà proviżorja.