Iċ-Ċimiterju Tal-Annimali Domestiċi Se Jibda Jopera Mis-Sena D-Dieħla
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Malta li Rridu għal Uliedna”, tkellem fuq il-Baġit 2022. Hu enfassizza t-tfassil ta’ numru ta’ miżuri li jorbtu mat-tema komuni ta’ kif se naslu għal katina ta’ produzzjoni ta’ ikel lokali aktar b’saħħitha u sostennibbli.
Il-Ministru Refalo semma l-investiment fis-sistemi ta’ kontroll u faċilitajiet biex il-prodott Malti jinbiegħ skont standards tas-suq ogħla, sabiex nikkumbattu l-frodi fil-bejgħ, u tinkiseb distinzjoni permezz ta’ marki ta’ kwalità u ċertifikazzjoni.
Semma wkoll kif se joħorġu inċentivi biex aktar raba’ jinħadem imma fl-istess ħin jintlaħqu l-miri tal-istrateġija Farm to Fork. Tkellem ukoll dwar miżuri oħra li huma pjanati għax-xhur li ġejjin li se jorbtu ma’ ħidma li diġà kienet għaddejja fil-qasam tal-ikel biex jibqgħu għaddejjin l-inċentivi u l-iżvilupp sabiex titfassal viżjoni komuni għall-katina tal-ikel li tkun ibbażżata fuq ir-realtajiet u l-isfidi li jikkaratterizzaw is-sigurtà tal-ikel f’pajjiżna. Bħala parti mill-proċess ta’ żvilupp ta’ politika nazzjonali għall-ikel se titfassal strateġija u pjan ta’ azzjoni dwar il-produzzjoni organika f’Malta.
Għall-ewwel darba, fil-baġit ta’ din is-sena, ġew allokati €125,000 għan-neutering ta’ qtates stray sabiex jgħin fit-tnaqqis tan-numru ta’ qtates li jitwieldu fit-toroq u li sfortunatament jispiċċaw morda jew inkella agħar. Se jiġi esplorat fid-dettall il-fattibbiltà li jitwaqqaf ċentru ta’ rehoming mill-aktar modern u avvanzat, b’investiment fl-iżvilupp ta’ Strateġija Nazzjonali għall-Ħarsien tal-Annimali. Iċ-ċimiterju tal-annimali domestiċi se jibda jopera mis-sena d-dieħla.
Is-sajjieda Maltin u Għawdxin se jkollhom l-aħjar infrastruttura sabiex jiġi ffaċċilitat xogħolom kemm jista jkun. Wara l-investimenti li saru fi skallijiet, f’faċilitajiet tajbin għall-ħatt tal-ħut, f’restawr tal-winch rooms, kif ukoll f’uffiċini reġjonali bħal Mġarr Għawdex u Marsaxlokk, issa se titjieb l-infrastruttura permezz ta’ proġett nazzjonali ta’ installazzjoni ta’ pilastri li jipprovdu l-ilma u l-elettriku. Proġett li mistenni jolqot b’mod pożittiv lis-sajjieda f’diversi komunitajiet fosthom il-Marsa, Wied il-Għajn, Birżebbuġa u ġewwa Għawdex.
Qed isir titjib u manutenzjoni kontinwa fil-binja tal-pitkalija biex dejjem jiġi aġġornat il-post kif jixraq, post li minnu joħroġ l-ikel għall-konsumatur. Dan dejjem sar b’konsultazzjoni sħiħa mal-għaqdiet tal-bdiewa biex flimkien mat-tmexxija tal-aġenzija nilħqu l-oġġetivi tal-ħidma tal-istess aġenzija fejn jidħol il-qasam ta’ l-ikel f’pajjiżna. B’investiment ta’ madwar €100,000, fost proġetti oħra li qed isiru nbiddlu s-soqqfa tal-pitkalija biex ikun assigurat li l-prodott imwassal frisk kuljum mill-bidwi jitħalla f’post diċenti biex wara jkun jista jitwassal lill-konsumatur.
B’viżjoni ċara l-gvern qed iwettaq miżura wara miżura biex nkomplu ntejbu l-ħajja tal-ħaddiema u l-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Ritratt: DOI