Id-Direttur Tal-Ħabs U L-Assistent Tiegħu Fetħu Kawża Ta’ Libell Kontra Eks Gwardjan U L-Gazzetta Illum
Id-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli flimkien mal-assistent tiegħu Randolph Spiteri għadhom kemm fetħu kawża ta’ libell kontra l-eks gwardjan Emmanuel Cassar u l-gazzetta ‘Illum’.
Dan seħħ l-għada ta’ pubblikazzjoni ta’ storja b’allegazzjonijiet serji fil-konfront tat-tmexxija tal-Ħabs.
Emmanuel Cassar allega mal-gazzetta ‘Illum’ li d-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli kien jhedded lill-ħabsin b’pistola. Cassar allega wkoll li Dalli kien ħareġ lill-ħabsin fil-bitħa għarwenin u tahom xeba’ ilma kiesaħ bil-pipe. Kien allegat ukoll li s-siġġu tal-kastigi fil-ħabs inħadem minn ħabsin tal-qalba.
L-eks gwardjan fl-intervista allega wkoll li l-Assistent Direttur Randolph Spiteri kien iddieħaq b’mara li kellha problemi mentali fost allegazzjonijiet oħra li saru.
Cassar sfida kemm lil Dalli u anke lil Spiteri biex jiftħulu kawża ta’ libell, kif fil-fatt għamlu dalgħodu sabiex inaddfu isimhom minn dawn l-allegazzjonijiet.