“Il-Baġit 2022 Ifisser Iktar Investiment Fis-Servizzi Tas-Saħħa” – Id-DPM Chris Fearne
Il-baġit ippreżentat din il-ġimgħa se jkun qed jivvota s-somma rekord ta’ €972 miljun għall-qasam tas-saħħa għas-sena 2022 sabiex inkomplu ninvestu f’faċilitajiet, mediċini u servizzi ġodda u aħjar. Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn elenka l-prijoritajiet ewlenin tal-Ministeru għas-Saħħa għas-sena d-dieħla.
B’investiment ta’ €9.9 miljun, huma mistennija li jiżdiedu iżjed mediċini fuq il-formularju tal-gvern fosthom mediċini għall-fibromyalgia, għall-osteoporosis, l-EpiPen fl-iskejjel, mediċini għaċ-ċirkolazzjoni, oħrajn tad-dermatoloġija u trattamenti psikjatriċi. Dan filwaqt li se jiżdiedu l-mediċini b’xejn għas-servizz tal-IVF. B’kollox hu stmat li se jibbenefikaw mas-60,000 pażjent ġdid minn dawn il-mediċini b’xejn.
Id-Deputat Prim Ministru elenka wkoll il-proġetti kapitali li mistennija jibew jew jitkomplew tul is-sena d-dieħla fl-isptarijiet ewlenin bħal wing ġdida għad-dipartiment tal-Medical Imaging Ġdid f’ Mater Dei, xogħlijiet sabiex jikber id-Dipartiment tal-Emerġenza, ix-xiri tat-tielet Catheterization Suite f’ Mater Dei, CT scanner ġdid f’San Vincenz De Paul u MRI ġdid fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Chris Fearne irrefera wkoll għall-proġetti tal-outpatients block ġdid u tal-car park ġdid biswit l-Isptar Mater Dei li se jippermetti li jkun offrut parkeġġ b’xejn lill-viżitaturi.
“Aħna nemmnu li s-servizzi li jistgħu jingħataw fil-komunità għandhom ikomplu jiżdiedu”, sostna l-Ministru għas-Saħħa filwaqt li spjega x-xogħlijiet li għaddejjin fiċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran f’ Raħal Ġdid kif ukoll il-ħidma li bdiet fuq iċ-Ċentru Reġjonali fit-Tramuntana ta’ Malta. Dawn iċ-ċentri reġjonali se jingħaqdu maċ-ċentri tas-saħħa ġodda li se jitlestew sal-bidu tas-sena d-dieħla fil-Gżira u fir-Rabat (Għawdex). Chris Fearne spjega li l-programm ta’ ftuħ ta’ bereġ ġodda se jissokta s-sena d-dieħla wkoll bil-bereġ ta’ Santa Luċija, Ta’ Giorni, Marsaskala, Ħal Tarxien, u s-Siġġiewi, fost oħrajn.
It-titjib fis-servizz tal-kura tas-saħħa mentali se jkun prijorità fl-2022, b’iżjed xogħlijiet strutturali fl-Isptar Monte Karmeli li bħalissa qed jilqa’ mal-250 pazjent. Id-Deputat Prim Ministru rrefera għall-ġnien terapewtiku li se jieħu post blokka antika li diġà twaqqgħet. Huwa sostna li l-pjan hu li Monte Karmeli jsir ċentru ta’ kura speċjalizzata għas-saħħa mentali u li s-servizzi akuti jibdew jingħataw fi sptar psikjatriku akut ġdid li se jittella’ fis-snin li ġejjin, b’investiment ta’ €65 miljun. Spjega wkoll li sakemm jitlesta dan il-proġett, fl-2022 hu mistenni li jinstab sit termporanju alternattiv għal dawn is-servizzi.
Chris Fearne stqarr li wara s-suċċess tal-proġett pilota tar-Remote Patient Monitoring għall-pazjenti li għandhom id-dijabete tip 1 u li għandhom inqas minn 16-il sena, dan il-proġett se jkun estiż biex jilħaq iżjed pazjenti tul l-2022.
Dan kollu se jimxi b’mod parallel mal-investiment tal-gvern fis-servizzi marbuta mal-COVID-19 fejn l-awtoritajiet tas-saħħa se jissoktaw bil-ħidma tagħhom sabiex jipproteġu lill-poplu Malti mill-imxija, fost oħrajn permezz tal-booster doses.