Il-Fiduċja Tal-Poplu Malti U Għawdxi Fil-Korp Żdiedet B’6%

 Il-Fiduċja Tal-Poplu Malti U Għawdxi Fil-Korp Żdiedet B’6%

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif fl-ewwel tnax-il xahar, l-istrateġija qed tħalli l-frott hekk kif ħidmet il-Korp kompliet tissaħħaħ f’bosta aspetti filwaqt li l-istħarriġ tal-Ewrobarometru juri biċ-ċar kif il-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi fil-Korp żdiedet b’6%.

L-istrateġija għandha 11-il oġġettiv li biex il-Korp tal-Pulizija jasal għalihom hemm 49 azzjoni. Għaldaqstant, fl-ewwel sena ġiet implimentata b’mod sħiħ ir-riforma fit-tmexxija eżekuttiva tal-Korp. Ġiet implimentata wkoll kodiċi ta’ etika ġdida bl-għan li tissalvagwardja d-drittijiet tal-uffiċjali iżda ssaħħaħ ir-responsabbiltajiet u l-obbligi tagħhom. Il-Ministru Camilleri fisser kif l-istrateġija toħloq strutturi sodi. “Fuq kollox, irrid pulizija li tkun mibnija fuq l-istrutturi u mhux l-individwi,” qal il-Ministru. L-istrateġija titlob li tinżamm komunikazzjoni mal-pubbliku b’mod ċar, konsistenti u trasparenti u l-aħħar xhur huma xhieda ta’ dan.

Punti oħra jaħsbu biex it-teknoloġija u l-informazzjoni jkunu fiċ-ċentru tal-ħidma operattiva tal-Korp tal-Pulizija u l-enfasi tal-Korp tal-Pulizija tmur fejn suppost u fuq xogħol li għandu jitwettaq minn uffiċjali tal-pulizija u mhux entitajiet oħrajn. F’dan ir-rigward, illum ix-xogħol amministrattiv qed isir minn persuni pajżana biex l-uffiċjali jkunu aktar iffukati fuq ix-xogħol polizjesk. Fl-istess ħin, il-Korp tal-Pulizija qed jaħseb għall-Korp bl-ammont ta’ ħaddiema meħtieġa fejn f’kull livell fi ħdan l-organizzazzjoni għandu jkun hemm il-ħiliet u l-esperti meħtieġa. Hawnhekk, il-Korp daħħal il-kunċett ta’ ‘civilianization’, fejn ġew ingaġġati numru ta’ professjonisti f’oqsma bħal criminal analysis, forensic experts u financial crime analysis fost l-oħrajn.

Id-diversità hija parti integrali mill-istrateġija u, għaldaqstant, il-Korp vara Anti-Harassment and Discrimination Policy, filwaqt li sar streamlining tal-proċeduri interni biex ma jiddistingwux bejn mara u raġel – fost oħrajn ġiet eliminata r-referenza għal WPC biex il-Korp ikun wieħed aktar inklussiv.

Il-Kummissarju tal-Pulizija s-Sur Angelo Gafà spjega kif ir-riżultati li rnexxielna niksbu fl-ewwel sena ta’ implimentazzjoni fl-eqqel ta’ pandemija jibgħat sinjal b’saħħtu. “Fl-erba’ snin li ġejjin se nkomplu nwettqu l-kumplament tal-istrateġija, sabiex b’hekk kull ġurnata nkunu pass eqreb lejn il-viżjoni tal-Korp, dik li l-komunità tafdana aktar biex niżguraw soċjetà sigura għal kulħadd,” qal il-Kummissarju.

Il-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Korp tal-Pulizija l-Professur Saviour Formosa qal li dan id-dokument ta’ strateġija qed ikun implimentat flimkien mas-soċjetà. Finalment, qal il-Professur Formosa, meta din l-istrateġija tkun implimentata, jkollna servizz tal-pulizija li hu iktar proattiv milli reattiv.​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com