Il-Gvern B’Żieda Fil-Mediċini U Trattamenti B’Xejn
Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ħabbar li l-Gvern ser ikompli jestendi l-formularju billi jinkludi: Mediċini tal-onkoloġija li jittrattaw diversi tipi ta’ kanċer kif ukoll trattament tal-osteoporożi li minnu jibbenefikaw madwar 20,000 pazjenti.
Qal ukoll li ser ikun hemm mediċini ġodda għat-trattament ta’ mard taċ-ċirkulazzjoni li minnu jibbenefikaw madwar 7,000 pazjent.
Se jkun hemm ukoll mediċini psikjatriċi li ser jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ madwar 5,000 pazjent u jnaqqsu t-tul ta’ żmien li persuna jkollha tqatta’ l-isptar fuq kura psikjatrika. Dan flimkien ma’ mediċini ġodda għat-trattament tal-Fibromajalġja li minnhom jibbenefikaw madwar 2,600 benefiċjarju.
Intqal li se jkun hemm it-trattament tal-anafilassi li hija reazzjoni allerġika severa tant li potenzjalment tista’ tkun ta’ periklu għall-ħajja, li minnu ser jibbenefikaw madwar 1,400 pazjent. Dan it-trattament ser ikun ipprovdut fi 325 skola biex jiġi amministrat lill-istudenti f’każi t’emerġenza.
Issemmew ukoll trattamenti għall-pazjenti li jbatu minn mard infjammatorju, mediċini ġodda għat-trattament tal-mard rari kif ukoll Mediċini b’xejn għall-pazjenti tal-IVF.