“Il-Gvern Laburista Abbanduna L-Qasam Tal-Ġustizzja F’Għawdex” – Il-PN

 “Il-Gvern Laburista Abbanduna L-Qasam Tal-Ġustizzja F’Għawdex” – Il-PN

“Is-sitwazzjoni gravi li tinsab fiha l-Qorti ta’ Għawdex hija konferma li l-Gvern Laburista abbanduna għal kollox il-qasam tal-ġustizzja f’Għawdex.” Dan qalu l-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Chris Said flimkien mal-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina.

Fi stqarrija qalu li minkejja li lbieraħ bdiet sena forensi ġdida, is-sitwazzjoni fil-Qorti ta’ Għawdex għadha fi stat ta’ abbandun. Il-Kelliema tal-PN komplew jgħidu li l-Gvern Laburista qed jitratta l-qasam tal-ġustizzja f’Għawdex b’mod dilettantesk minn kriżi għal oħra u m’għandu l-ebda pjan fit-tul dwarha.

“Is-sitwazzjoni gravi li tinsab fiha l-Qorti ta’ Għawdex hija wkoll ir-riżultat tad-diżinteress tal-Ministru Edward Zammit Lewis u tal-pika u l-inkejja li jeżistu bejn il-Membri Parlamentari Laburisti li f’xi żmien jew ieħor ilkoll servew bħala Ministri għal Għawdex matul l-aħħar 8 snin,” saħqu Chris Said u Karol Aquilina fl-istqarrija tagħhom.

Huma sostnew li l-PN jemmen bis-sħiħ li l-Avukati li jipprattikaw fil-Qorti ta’ Għawdex għandhom raġun dwar l-ilmenti tagħhom u fl-azzjoni li kienu kostretti jieħdu. “Dawn l-ilmenti ilhom żmien twil pendenti u dan minkejja li saħansitra saru b’mod formali mill-ġudikanti li jaħdmu fil-Qorti ta’ Għawdex,” tenna l-PN.

Fost oħrajn jirriżulta li fil-Qorti ta’ Għawdex hemm nuqqas kbir ta’ staff imħarreġ u ikkwalifikat fosthom għad m’hemmx Assistent Reġistratur; m’hemm l-ebda Marixxalli li jaħdmu fuq bażi full-time f’Għawdex bil-konsegwenza li n-notifika ta’ atti ġudizzjarji mhix qed issir fil-ħin; il-bini tal-Qorti ta’ Għawdex mhux wieħed aċċessibbli u m’hemmx ħarsien għas-saħħa u s-sigurtà; dokumenti li jiġu ppreżentati fil-Qorti ta’ Għawdex mhux qegħdin jiġu pproċessati u għalhekk mhux qed jaslu quddiem il-Maġistrati fil-ħin; u mhu qed isir l-ebda skenjar diġitali ta’ dokumenti u jeżistu diffikultajiet kbar biex dokumenti jkunu jistgħu jiġu rintraċċjati.

Il-Kelliema tal-PN sostnew li s-sitwazzjoni preżenti fil-Qorti ta’ Għawdex qed twassal għal inġustizzji kbar ma’ kull ikun jeħtieġlu jersaq quddiemha għall-ħarsien tad-drittijiet tiegħu u turi n-nuqqas ta’ rispett mill-Gvern Laburista lejn il-ħaddiema kollha tal-Qorti, il-professjonisti legali u l-ġudikanti li kollha jaqdu rwol essenzjali fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’Għawdex.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Oppożizzjoni qiegħda tinsisti li tittieħed azzjoni deċiżiva u immedjata biex titranġa s-sitwazzjoni fil-Qorti ta’ Għawdex.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com