“Il-Gvern Mhux Jindirizza Biżżejjed L-Inċentivi Għall-Karozzi Elettriċi” – L-Assoċjazzjonijiet Tal-Importaturi Tal-Karozzi
Filwaqt li l-Gvern nieda numru ta’ miżuri u żied il-grants għall-karozzi elettriċi ġodda, l-Assoċjazzjonijiet tal-Importaturi tal-Karozzi, il-Used Vehicles Importers Association (UVIA) u l-Malta Car Importers Association (MCIA), iħossu li dan mhuwiex biżżejjed sabiex il-konsumatur Malti jkun jista’ jiflaħ għall-bidla minn karozza ‘Internal Combustion Engine’ għal karozza li taħdem bl-elettriku.
Madwar l-Ewropa kif ukoll f’Malta, ix-xiri ta’ karozzi użati u impurtati huwa l-akbar porzjon fis-suq tal-pajjiż. Għaldaqstant, għandu jiġi salvagwardat u mħares, jekk il-Gvern verament għandu l-għan li jibdel il-flotta tal-karozzi minn waħda tradizzjonali għal waħda elettrika.
Qabel it-tħabbir tal-Baġit, l-UVIA u l-MCIA ppreżentaw dokument uffiċjali lill-Gvern, fosthom lill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg u lill-Ministru għall-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, li fih elenkaw numru ta’ proposti għall-Gvern sabiex il-maġġoranza tal-konsumaturi Maltin ikunu jistgħu jaslu għax-xiri ta’ karozzi elettriċi. Fost il-miżuri, l-Assoċjazzjonijiet proponew li sa 85% tal-karozzi impurtati tagħhom jinbidlu għal karozzi elettriċi. B’hekk, ikunu jistgħu jassistu sabiex il-pajjiż ikun jista’ jilħaq il-miri ‘lli ġew dedotti mill-Gvern stess.
L-MCIA u l-UVIA jinnotaw b’sodisfazzjon, li l-allokazzjoni għall-grants mogħtija fl-estimi tal-Baġit għas-sena d-dieħla ġiet miżjuda b’miljun ewro sabiex aktar nies ikunu jistgħu jibbenefikaw minnha.
Madanakollu, l-UVIA u l-MCIA huma diżappuntati għall-mod kif inhu pproponut li jiġu introdotti l-grants, u d-diskrepanza li teżisti fis-suq bejn dawk li jixtru karozzi ġodda għal dawk li jixtru karozzi użati. Filwaqt li l-assoċjazzjonijiet jifhmu li l-grants mogħtija għall-karozzi ġodda għandhom ikunu ta’ valur aktar għoli minn dawk użati, id-diskrepanza li kompliet tiżdied f’dan il-baġit tfisser li se tkompli toħloq żbilanċ fis-suq.
Inoltre’, mhux talli l-membri tal-istess assoċjazzjonijiet ser ikollhom riperkussjonijiet negattivi, iżda lanqas il-konsumaturi, speċjalment il-middle class u l-low income earners, mhu ser ikunu jistgħu jifilħu għall-bidla fil-karozza tagħhom, minkejja ż-żieda fil-grants. Ifisser ukoll li l-għixien ta’ numru ta’ sidien ta’ negozji żgħar u l-impjegati tagħhom huma f’riskju immedjat.
Dan mhux talli se jfisser li t-tranżizzjoni għall-karozzi elettriċi se ddum iżjed, iżda jfisser ukoll li dawk il-ħafna persuni li ma jifilħux jibdlu l-karozza tagħhom, ser jispiċċaw b’karozzi qodma aktar minn qatt qabel. Barra minn hekk, wieħed irid jieħu f’konsiderazzjoni li għall-fini ta’ emissjonijiet, karozza ġdida ma tħammiġx inqas minn waħda użata, kif kien il-każ fuq karozzi tat-tip ‘ICE’.
Filwaqt li l-assoċjazzjonijiet jirrikonoxxu kemm huwa importanti li jiġi inċentivat l-iskrappjar tal-karozzi antiki, l-assoċjazzjonijiet jemmnu li jkun ta’ benefiċċju ambjentali ferm akbar jekk it-tali inċentiv jingħata fuq vetturi elettriċi użati, minħabba li l-emmisjonijiet huma ferm anqas minn dawk ta’ karozzi ‘ICE’ ġodda.
L-Assoċjazzjonijiet jemmnu li l-bidla tal-flotta tal-karozzi hija waħda meħtieġa sabiex irresidenti Maltin ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, kif ukoll biex jonqsu l-emissjonijiet. Madanakollu huma temmew jgħidu li, sabiex dan isir, il-Gvern għandu jinċentiva – kif dejjem għamel – u ma joħloqx żbilanċi fis-suq u jostakola dan milli jseħħ.
Ritratt: Times of Malta