Il-lejl Li Ġej Se Norqdu Siegħa Żejda

 Il-lejl Li Ġej Se Norqdu Siegħa Żejda

Għada l-Ħadd, 31 ta’ Ottubru 2021, fit-3.00a.m., se ndawru l-arloġġi b’siegħa lura għall-ħin tax-xitwa.

Għaliex jeżistu żewġ tipi ta’ ħinijiet? Tas-sajf u tax-xitwa?

Matul iż-żminijiet, il-bniedem ħass l-esiġenza li minħabba l-bidla fl-ammont ta’ sigħat imdawlin matul il-ġranet fl-istaġuni differenti ta’ matul is-sena, isir l-aqwa użu mid-dawl tal-ġurnata, l-aktar minħabba raġunijiet ta’ xogħol, negozju u kummerċ..

Fil-fatt din il-bidla fil-ħin fil-pajjiżi Ewropej, daħlet fis-seħħ l-ewwel darba fl-Ewwel Gwerra Dinjija (c. 1919), iżda ma baqgħetx fis-seħħ għal ħafna żmien, sakemm minħabba raġunijiet ta’ kummerċ, il-pajjiżi riedu jimxu ma’ direttiva sabiex jibdlu l-ħin sa mill-1981. Madankollu, tliet (3) pajjiżi Ewropej – il-Belarus, it-Turkija u l-Iżlanda ma jibdlux il-ħin tagħhom bejn tax-xitwa u tas-sajf, iżda jżommu l-istess ħin matul is-sena kollha. Jista’ jkun li fis-snin li ġejjin il-pajjiżi l-oħra jagħmlu hekk ukoll, iżda s’issa għad m’hemmx qbil fuqha.

B’din il-bidla fil-ħin li ser isseħħ nhar il-Ħadd kmieni filgħodu (mal-lejl), il-ġurnata ser tidher iqsar, minħabba l-fatt li x-xemx tinżel aktar kmieni (jisbaħ iktar kmieni wkoll)! Fil-lejl ta’ bejn is-Sibt 30/10 u l-Ħadd 31/10, se jkollna wkoll siegħa aktar ta’ rqad!

Il-ħin tax-xitwa ser jintemm nhar il-Ħadd 27 ta’ Marzu, 2022 meta l-arloġġi jerġgħu jmorru b’siegħa ‘l quddiem u hekk jibda l-ħin tas-sajf.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com