Il-Ministeru Soċjali B’Allokazzjoni Finazjarja Ta’ €1.8 Biljun Għas-sena 2022

 Il-Ministeru Soċjali B’Allokazzjoni Finazjarja Ta’ €1.8 Biljun Għas-sena 2022

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon ta aktar dettalji dwar miżuri soċjali li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ mis-sena d-dieħla kif ukoll oħrajn li se jidħlu fis-seħħ minn din is-sena stess. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar numru ta’ miżuri li se jkomplu jagħtu imbuttattura lill-familji u lill-ħaddiema.

Il-Ministru Falzon enfasizza l-importanza li persuni vulnerabbli jingħataw l-attenzjoni meħtieġa u fil-ħin, għalhekk iż-żieda fl-għajnuna tas-supplimentari li se tibda tingħata minn Diċembru ta’ din is-sena. Din se tingħata lil dawk kollha li jirċievu dan il-benefiċċju jiġifieri pensjonanti, anzjani u anke persuni li jistgħu jkunu f’impjieg jekk ma jkollhomx tfal taħt is-16-il sena. Din il-miżura hi mmirata għal dawk l-aktar vulnerabbli.

Persuni miżżewġa jew koppji li d-dħul tagħhom fl-2022 ma jaqbiżx l-€14,318 ser jirċievu żieda fil-benefiċċju tal-għajnuna supplimentari li tvarja bejn €3.47 u €6.50 fil-ġimgħa, skont id-dħul tagħhom. Persuni waħidhom, inklużi romol, li d-dħul tagħhom fl-2022 ma jaqbiżx l-€10,221 ser jieħdu żieda ta’ bejn €4.10 u €5.00 fil-ġimgħa. B’kollox, minn din il-miżura, ser jibbenefikaw kważi 29,000 persuna bi spiża ta’ €5.6 miljun fis-sena. Dan ifisser li biż-żieda fil-pensjoni u ż-żieda fis-supplimentari, ħafna pensjonanti ser jaraw żieda ta’ ’l fuq minn €500 fis-sena.

Mis-sena d-dieħla, se jingħataw €150 f’in-work benefit fis-sena għal dawk il-ħaddiema li għandhom paga bażika li ma teċċedix l-€20,000 u li jaħdmu ħinijiet atipiċi jiġifieri, filgħaxijiet, fi tmiem il-ġimgħa u bix-xift, mal-privat f’dawn is-setturi li ġejjin: akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel, servizzi amministrattivi u ta’ sapport, manifattura, trasport u ħażna u bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut. Il-ħaddiema jridu jkunu tal-anqas ħadmu 6 xhur matul sena kalendarja f’dawn is-setturi. B’kollox ser jibbenefikaw mal-40,000 ħaddiem, b’benefiċċju ekwivalenti għal madwar 10% tat-taxxa tad-dħul li jħallsu. Dawn il-ħaddiema, il-gvern se jkun qed jagħtihom €6 miljun.

Miżura oħra li se tidħol fis-seħħ minn din is-sena, minn nhar it-Tnejn 25 ta’ Ottubru, hija dik li tolqot persuni bla indirizz fiss u li kienu qed jispiċċaw f’sitwazzjoni fejn ma kinux qed jieħdu l-assistenza u l-benefiċċji soċjali.

Permezz ta’ ftehim mal-FSWS, dik il-persuna homeless isirilha rapport mis-social workers u tingħata indirizz temporanju min-naħa tal-FSWS, biex b’hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess assistenza soċjali.

“Dan hu gvern li verament jemmen fil-potenzjal ta’ kulħadd u għalhekk qed nagħmlu minn kollox biex ħadd ma jaqa’ lura. Din hija Malta ġusta u li temmen f’kull persuna, mingħajr ebda preġudizzju”, qal il-Ministru Michael Falzon.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Michael Falzon elenka numru ta’ miżuri soċjali oħra li se jkomplu jtejbu l-familji kollha. Fost l-oħrajn semma:

Aktar tnaqqis fir-rata tat-taxxa fuq id-dħul

Din is-sena, jiġifieri għas-sena 2021, il-gvern naqqas ir-rata tat-taxxa fuq id-dħul mill-overtime fejn l-ewwel 100 siegħa ta’ overtime fis-sena, għal dawk b’paga bażika li ma teċċedix l-€20,000 fis-sena; u li m’għandhomx pożizzjoni maniġerjali, kienet intaxxata bil-15%.

Biex il-gvern ikompli jnaqqas ir-rata tat-taxxa fuq id-dħul, is-sena d-dieħla dawk il-ħaddiema li l-paga bażika tagħhom ma teċċedix €20,000 fis-sena u li m’għandhomx pożizzjoni maniġerjali, ser jibdew jiġu intaxxati bil-15% fuq l-ewwel €10,000 dħul mill-overtime. B’din il-miżura, il-gvern se jagħti lill-ħaddiema €6 miljun.

Biex il-ħaddiema ta’ issa jkollhom pensjoni aħjar, ser tingħatalhom ukoll l-opportunità li jibdew iħallsu l-bolla tas-sigurtà soċjali fuq aktar minn xogħol part-time wieħed sa massimu ta’ 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa.

Għajnuna lit-tfal vulnerabbli b’għotja ta’ medja ta’ €10,000 fis-sena lil kull kap ta’ skola tal-Istat minn kinder sa sekondarja b’nefqa ta’ €1m, biex jaraw li t-tfal taħt is-superviżjoni tagħhom ma jkunux neqsin minn affarijiet bħall-ikel jew riżorsi bażiċi.

Żieda fil-bonus għal twelid ta’ tarbija jew adozzjoni. Dan se jiżdied b’€100, minn €300 se titla’ għal €400. Madwar 4,000 ġenitur mistennija jibbenefikaw minn din iż-żieda f’dan il-bonus b’investiment ta’ €0.5m.

Żieda fl-allowance għal tfal b’diżabilità b’€5 li minnha jibbenefikaw madwar 1,700 familja. In-nefqa totali hi ta’ €0.5m.

“Dan huwa gvern li se jkun hemm għal uliedna, gvern li verament jinteressah mill-interessi tal-anzjani, tal-familji u tat-tfal. Gvern li se jinvesti mal-€1.2 biljuni f’benefiċċji soċjali, is-sena d-dieħla, u dan hu għax nemmnu li għandna nkomplu nagħtu imbuttatura lil kull minn hu fil-bżonn. Aħna nibqgħu il-partit u l-gvern li dejjem emminna fil-ġustizzja soċjali u dejjem ipprattikajna bil-fatti s-solidarjetà soċjali.

“Din hi Malta li rridu nħallu għal uliedna”, ikkonkluda l-Ministru Michael Falzon.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com