Il-Ministeru Għall-Ugwaljanza, Ir-Riċerka U L-Innovazzjoni B’Żieda Ta’ 40% Fl-Allokazzjoni Finanzjarja Għas-Sena 2022
Waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-baġit għas-sena 2022, bit-tema ‘Malta li rridu għal uliedna’, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici ħabbar li fejn jidħlu l-oqsma tal-ugwaljanza u tal-innovazzjoni, bis-saħħa tal-baġit li għadu kemm ġie ppreżentat, se jkun hemm żieda ta’ 40 fil-mija fl-allokazzjoni finanzjarja meta mqabbel mal-baġit tas-sena li għaddiet.
Il-Ministru Bonnici spjega li bis-saħħa ta’ din l-allokazzjoni, se jitwettqu tnejn u għoxrin punt ta’ ħidma f’dawn l-oqsma li huma tant importanti għal kwalità ta’ ħajja aħjar u għat-tisħiħ tas-soċjetà tagħna.
Huwa qal li fil-jiem li ġejjin se tibda d-diskussjoni parlamentari dwar liġi ġdida, li l-abbozz tagħha diġà ġie ppubblikat u spjegat pubblikament, li se tirriforma l-qafas legali marbut mal-użu tal-kannabis bħala miżura b’saħħitha ħafna ta’ harm reduction. Fost it-tibdiliet li se jitwieldu minn din ir-riforma, se titwaqqaf awtorità ġdida b’diversi obbligi, fosthom dak regolatorju kif ukoll edukattiv.
Fejn jidħol is-settur tal-innovazzjoni, qal li inizjattiva importanti u li l-frott tagħha jidher fit-tul hija dik li flimkien mal-Università ta’ Malta u mal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija, ġiet introdotta post doc fellowship fl-industrija. Għal din l-iskema, il-gvern alloka nofs miljun ewro. Din hija l-ewwel skema strutturata li qatt ser issir f’Malta f’dan il-qasam.
Qal ukoll li l-Ministeru fetaħ djalogu ma’ istituzzjonijiet barranin ta’ riċerka fosthom UKRI, Dubai Future Foundation, l-Università ta’ Sheffield u universitajiet u science parks fil-Mediterran għal iktar kollaborazzjoni, u ġew allokati €200,000 għal dan l-għan. Dan minbarra l-programmi importanti ta’ internazzjonalizzazzjoni li Malta diġà qed tipparteċipa fihom bis-saħħa tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
Il-Ministru Bonnici tkellem ukoll dwar il-programm Horizon Support Measures li għandu l-għan li jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ riċerkaturi u ta’ entitajiet Maltin fl-EU Framework Programme Horizon Europe.
Irrefera wkoll għal programm ġdid ta’ fondi bl-isem Go to Market, li se jkun immexxi mill-MCST. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tipprovdi għall-passi finali f’avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi b’relazzjoni mat-twassil tal-prodott jew servizz fl-ambjent operazzjonali.
Il-Ministru Bonnici tkellem ukoll dwar l-implimentazzjoni tal-istrategija post-pandemika u qal li l-kumitat inkarigat issa ser jiġbor ukoll data u informazzjoni esperta sabiex jassigura li Malta tibqa’ sostenibbli, kompetittiva u reżiljenti u li toffri l-aħjar kwalità ta’ ħajja għaċ-ċittadini tagħha.
Il-Ministru Bonnici qal li fejn jidħol il-kamp tal-ugwaljanza se tingħata prijorità lill-ġlieda kontra l-vjolenza domestika b’kampanja ta’ għarfien nazzjonali li tindirizza l-ħsara miġjuba, fost l-oħrajn, mill-oġġettifikazzjoni u mis-sesswalizzazzjoni tan-nisa.
Qal ukoll li se jiġi implimentat il-proġett Empowerment for Diversity (E4D) li jinkludi riċerka dwar diskriminazzjoni lejn persuni LGBTIQ+. Qal li se jitkompla wkoll ix-xogħol marbut ma’ żewġ abbozzi ta’ liġijiet dwar l-ugwaljanza li qegħdin fi stadju ta’ kumitat.
Huwa spjega li tragward ieħor importanti hu ċentru ġdid għall-komunità LGBTIQ, li se jinkludi wkoll faċilitajiet li jistgħu jakkomodaw u jitgawdew mis-soċjetà ċivili fil-qadi tal-missjoni tagħha.
Il-Ministru Owen Bonnici semma wkoll li se tissokta l-ħidma kontra t-traffikar uman, se tkun qed tiġi implimentata l-istrateġija u pjan ta’ azzjoni nazzjonali għall-ugwaljanza u l-integrazzjoni tal-ġeneru kif ukoll se tkompli tiġi implimentata l-Istrateġija Nazzjonali kontra r-Razziżmu.