Il-Mostin Jiċċelebraw Il-150 Sena Mill-Konsagrazzjoni Tar-Rotunda
Għall-Mostin, illum hija festa kbira. Dari iżjed mil-lum, kellha sinifikat importanti u reliġjuż qawwi ħafna. Ngħidu hekk, għax irridu nammettu li forsi l-bniedem bired ftit minn dak li jesprimi pubblikament.
Għalkemm fil-fond ta’ qalbu, il-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ jħobb u jħaddan ir-reliġjon Kattolika b’mod ferventi. Mhux inqas il-Mostin, li r-Rotunda għalihom tfisser dar xierqa tassew lill-Assunta.
Bdiet tinbena fl-1833 u tlestiet fl-1860 fuq stil Neo Klassiku fuq disinn tal-Perit Giorgio Grognet de Vassè fl-istess post fejn kien hemm knisja oħra mibnija fl-1614 minn disinn tal-Perit Tumas Dingli.
Tħares lejn din il-knisja meraviljuża, tissaħħar u mhux il-Maltin biss. Min jaf kemm -il turist ħadilha ritratti. Tixbaħ ħafna lill-Pantheon ta’ Ruma u nemmnu li l-poplu jħossu kburi b’din l-opra artistika li ħarġet minn idejn il-Maltin.
Bla dubju l-ġrajja tal-bomba li waqgħet fit-Tieni Gwerra Dinjija, propju fid-9 t’April tal-1942, ħalliet marka fl-istorja marbuta magħha. Il-Mostin iqisu l-fatt li l-bomba ma splodietx, bħala interċessjoni minn Santa Marija.
Insellmu lill-Mostin. Awguri.
Ritratt: iStock