Il-MPE Alex Agius Saliba Se Jmexxi Ċ-Ċarġer Universali Fil-Parlament Ewropew

 Il-MPE Alex Agius Saliba Se Jmexxi Ċ-Ċarġer Universali Fil-Parlament Ewropew

Il-MPE Alex Agius Saliba nħatar bħala r-rapporteur tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta leġiżlattiva għal Ċarġer Universali u se jkun qed imexxi n-negozjati mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’isem il-Parlament Ewropew. Il-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni aktar kmieni f’Settembru se tistabbilixxi ċarġer uniku għall-ismartphones, it-tablets, u apparat ieħor fi żmien sentejn.

“Ninsab kuntent li ġejt fdat b’rapport daqshekk importanti. Din il-proposta hija rebħa reali għall-konsumaturi Ewropej li se jkunu jistgħu jużaw ċarġer uniku għall-apparat elettroniku portabbli kollu tagħhom. Bħala rapporteur se nkompli nibni fuq il-ħidma tiegħi f’dawn l-aħħar ftit snin u nistinka għal ċarġer universali uniku fl-Ewropa għall-apparat elettroniku żgħir kollu,” ikkummenta l-MPE Alex Agius Saliba dwar l-inkarigu l-ġdid tiegħu.

Il-leġiżlazzjoni li temenda d-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju għandha l-għan li tagħmel ċarġer uniku għat-tagħmir mobbli obbligatorju billi tintroduċi dispożizzjonijiet armonizzati dwar kejbils tal-iċċarġjar li jużaw USB Tip C bħala l-punt komuni, u tagħmel il-protokoll tas-softwer għall-iċċarġjar rapidu interoperabbli bejn il-marki u l-apparat.

Fil-Parlament Ewropew, il-MPE Alex Agius Saliba diġà kien qed imexxi l-ħidma għal Regolament komuni dwar ċarġer universali. Fl-2020, huwa nnegozja wkoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li ħeġġet bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tintroduċi ċarġer uniku għat-telefowns ċellulari u tagħmir tar-radju ieħor żgħir u ta’ daqs medju, mhux aktar tard minn Lulju 2020.

“Din il-proposta ilha mistennija, iżda ninsab kuntent li l-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar wieġbet għat-talbiet tagħna. Għal aktar minn għaxar snin, il-Parlament ilu jappella għal Ċarger Universali Ewropew. Madanakollu, s’issa, din it-tranżizzjoni tħalliet biss għar-rieda tajba u l-awtoregolamentazzjoni tal-ġganti tat-teknoloġija tal-Istati Uniti, bħal Apple, li kienu qed jopponu bil-qawwa l-bidla lejn ċarġer komuni,” qal il-MPE Malti.

“Aktar minn 11,000 tunnellata ta’ skart jiġi ġġenerat kull sena minħabba kejbils tal-iċċarġjar mhux użati. L-iskart elettroniku huwa problema, u t-tnaqqis tal-produzzjoni u r-rimi taċ-ċarġer se jiffranka eluf ta’ tunnellati ta’ skart elettroniku fis-sena u se jgħin fl-użu mill-ġdid tal-elettronika l-antika,” qal Alex Agius Saliba.

Agius Salba spjega kif ċarġer uniku mhux biss irażżan l-ammont ta’ skart, iżda jkun fattur importanti għall-konsumaturi li ser iwassal għal anqas spejjeż bla bżonn li jammontaw sa 250 miljun euro kull sena.

Minbarra t-telefowns, ir-Regolament ser japplika wkoll għal tablets, headphones, spijkers portabbli, consoles tal-logħob, u kameras, u ser jinkludi wkoll dispożizzjonijiet kontra r-raggruppament relatati ma’ offerti kummerċjali li jorbtu prodotti differenti flimkien fl-istess pakkett.

Wara l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, issa l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri iridu jaslu għal ftehim u jadottaw ir-Regolament.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com