“Il-PBS Se Jibqa’ Jwebbes Rasu U Joħnoq Il-Libertà” – Il-PN
“L-Oppożizzjoni Nazzjonalista jidrilha li l-istqarrija ppubblikata mill-PBS nhar is-6 ta’ Ottubru b’risposta għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar il-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti fuq ix-xandir pubbliku, hija stqarrija diżappuntanti għax turi li l-PBS irid jibqa’ jwebbes rasu avolja kontra kull sens komun.”
Dan ntqal fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista fejn saħaq li l-istqarrija tal-PBS hija wkoll surreali u qarrieqa. Dan għax meta l-klikka ta’ Robert Abela jgħidu li “it-telespettaturi […] jafu li ta’ kuljum u f’ħinijiet differenti tal-ġurnata qed jiġu diskussi temi attwali…”, iridu lill-poplu Malti u Għawdex jemminhom li imbilli l-PBS ivvinta stazzjon ġdid biex jirrelega l-programmi tad-diskussjoni għal fuqu, ifisser li qed jagħti xi importanza speċjali jew aktar ħin lill-programmi ta’ “diskussjoni miftuħa u matura”.
Infatti, wara l-ewwel ġimgħa, is-segwaċi tal-hekk imsejjaħ “tvmnews+” qed jikkonfermaw li apparti r-ruxxmata ripetizzjonijiet tal-aħbarijiet kull siegħa jtanbru l-propaganda tal-Labour bla waqfien, fil-verità l-ħin allokat għall-bqija tal-programmi li b’xi mod jinvolvu diskussjoni jew dibattitu ma jaqbiżx l-ammont ta’ ħin li kien qed jiġi allokat għal dawk il-programmi fl-iskedi preċedenti fuq l-istazzjon ewlieni TVM.
Il-PN kompla jsostni li n-nies qed jindunaw li ħafna mill-programmi mxandra fuq dan l-istazzjon tas-second division huma l-istess programmi li fis-snin li għaddew kienu jixxandru fuq TVM… fosthom Insights, XTRA, Realtà, TOPIK (qabel kien l-Erbgħa Fost il-Ġimgħa) u TVAM. Agħar minn hekk qed jirrealizzaw li fl-aħħar snin tqaċċtu għadd ta’ programmi oħra li kienu jiddiskutu ċerti suġġetti b’mod intensiv bħal pereżempju Xarabank u Dissett, u programmi ta’ diskussjoni li kienu jixxandru kuljum bħal Popolin, mingħajr ma ġew sostituti bi programmi tal-istess kalibru.
“L-Awtorità tax-Xandir u kull min qara d-direttiva żvelata taċ-Chairman tal-PBS Dr Mark Sammut, jista’ jinnota li d-direttiva hija ċara u diretta, u mkien ma tipprovdi xi mekkaniżmu ta’ flessibbiltà kif qed jistqarr il-PBS f’daqqa waħda. Minflok, dik id-direttiva qed teqred kull tip ta’ flessibbiltà u teżiġi li l-produtturi jipprovdu lista tat-temi u tal-mistednin li se jkunu fil-programmi ta’ ħmistax wara biex it-tmexxija tal-PBS tkun taf x’se jkunu s-suġġetti bil-quddiem u tissoġġettawhom għall-approvazzjoni tagħhom bil-quddiem,” sostna l-PN.
Fl-istess stqarrija l-PN tenna wkoll li filwaqt li fuq TVM id-diskussjoni hija ineżistenti, id-direttiva tgħidha iswed fuq l-abjad li fuq tvmnews+, id-diskussjoni mhix se titħalla ssir mingħajr l-approvazzjoni tal-Labour. Infatti, skont kwotazzjonijiet fil-midja lokali, anke għall-Ministru Carmelo Abela stess mhijiex direttiva raġonevoli.
Għaldaqstant, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tibqa’ tappella lill-PBS biex jirtira dik id-direttiva mingħajr aktar dewmien u mingħajr aktar pressjoni fuq il-ġurnalisti, il-produtturi u x-xandara; u se tibqa’ tappella wkoll biex l-Awtorità tax-Xandir taqdi dmirha kif tobbliga l-liġi u tieħu l-passi mistennija mingħajr aktar tkaxkir tas-saqajn.