Il-PM Robert Abela Jilqa’ Lill-Kummissarju Tal-Kunsill Tal-Ewropa Għad-Drittijiet Tal-Bniedem Dunja Mijatović

 Il-PM Robert Abela Jilqa’ Lill-Kummissarju Tal-Kunsill Tal-Ewropa Għad-Drittijiet Tal-Bniedem Dunja Mijatović

F’laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kummissarju Dunja Mijatović iddiskutew is-salvagwardji u l-implimentazzjonijiet li jsaħħu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li sussegwentament qiegħed jimplimenta l-Gvern Malti f’dan ir-rigward permezz ta’ bosta riformi ewlenin.

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru rrefera għal ħidma intensiva li saret fl-aħħar xhur mill-gvern biex ikompli jissaħħaħ il-qafas demokratiku f’pajjiżna, il-governanza tajba, is-saltna tad-dritt u l-protezzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-impenn qawwi tal-gvern biex jassigura li l-ġurnalisti huma protetti aħjar u wiegħed l-appoġġ kollu tiegħu fl-isforzi li qed isiru biex isaħħu d-drittijiet tal-ġurnalisti fuq livell Ewropew.

Matul il-laqgħa, il-Prim Ministru rringrazzja lill-Kummissarju Mijatović għal ħidma bla heda tagħha fil-promozzjoni tar-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika li pajjiżna rratifika lura fl-2014. Huwa tenna wkoll li l-gvern Malti se jkompli jagħti l-importanza meħtieġa lil dan it-Trattat simboliku u sinifikanti.

Dr Abela rrefera għall-isfidi miġjuba mill-influss kontinwu ta’ immigranti rregolari u l-ħtieġa għal solidarjetà effettiva u qsim ġust tar-responsabbiltà ma’ stati diversi, inkluż Malta, li jkomplu jiffaċċjaw pressjonijiet sproporzjonati.

Min-naħa tagħha, il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem Dunja Mijatović kellha kliem ta’ tifħir għar-riformi li mbarka fuqhom dan il-gvern fil-qasam tal-governanza tajba, it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u d-drittijiet ċivili.

Il-Kummissarju Mijatović kienet ukoll konverġenti mal-Prim Ministru fir-rigward tal-immigrazzjoni irregolari u konsegwentament saħqet li din hija sfida tal-UE kollha mhux ta’ ftit stati membri. Hija qalet li tinsab kommessa li tkompli ssaħħaħ ħidmietha biex il-kunċett ta’ solidarjetà bejn l-istati membri jkompli jitħaddem bis-sħiħ.

B’referenza għall-qasam tal-ugwaljanza, il-Kummissarju Mijatović innutat kif pajjiżna approva liġi li se tassigura iżjed rappreżentanza ugwali bejn is-sessi fil-Parlament permezz ta’ mekkaniżmu korrettiv li se jibda jitħaddem mill-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Il-Kummissarju kkonkludiet l-intervent tagħha billi faħħret l-isforzi li qed isiru mill-Gvern Malti b’rabta ma’ diversi rakkomandazzjonijiet li kommess jaħdem fuqhom il-gvern bil-għan li jkompli jipproteġi ħidmet il-ġurnalisti f’pajjiżna.​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com