Il-PN Jdaħħal Żewġ Protesti Mal-Awtorità tax-Xandir Kontra L-PBS
“L-email taċ-Chairman tal-PBS Dr Mark Sammut li ġiet żvelata fil-midja, u li tordna lill-produtturi tal-programmi ta’ diskussjoni fuq ix-xandir pubbliku biex jinfurmaw lil Norma Saliba, 15-il ġurnata bil-quddiem, dwar it-temi li jkunu se jiddiskutu u dwar il-mistednin li jkunu se jistiednu fil-programmi tagħhom, tkompli tikkonferma dak li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ilha tikxef u titkellem dwaru għal xhur sħaħ.”
Dan intqal fi stqarrija iffirmata mill-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius flimkien mal-Kelliem għax-Xandir Nazzjonali Joe Ellis u l-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Alessia Psaila Zammit
Huma qalu li l-PN qed jitlob lill-Awtorità tax-Xandir tintervjeni mingħajr aktar dewmien biex jieqaf il-ksur tal-liġi mit-tmexxija tal-PBS. Huma komplew jgħidu li l-Awtorità tax-Xandir għanda tagħmel dan biex ma tħallix lill-PBS jibqa’ għaddej bid-direttiva bħal romblu minn fuq il-produtturi, il-ġurnalisti u l-preżentaturi tal-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti tax-xandir pubbliku għax din id-direttiva qed toħnoq l-aktar prinċipji bażiċi tad-demokrazija u l-ġurnaliżmu liberu u qed twaqqaf lill-pubbliku milli jiddiskuti l-aktar temi attwali fil-pajjiż.
Il-PN saħaq li “dik l-email, apparti li turi bl-aktar mod ċar l-istat miżeru li jinsab fih ix-xandir pubbliku bħalissa – maħkum mil-Labour – tagħti wkoll kredibbiltà lill-iżbilanċ li qed toħroġ fid-deher l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ kuljum bi statistika preċiża tal-aħbarijiet tat-tmienja.”
Il-kelliema sostnew li s-sitwazzjoni attwali fil-PBS turi kemm m’humiex ġustifikati il-fondi pubbliċi li kull sena qed jiġu nvestiti fil-PBS sabiex jassiguraw xandir imparzjali. Dawn il-fondi jammontaw għal aktar minn €5.5 miljun fis-sena u l-Partit Nazzjonalista jinsisti illi dawn il-fondi għandhom jintefqu b’mod u manjiera illi l-PBS josserva l-akbar imparzjalita’ fix-xandir tiegħu waqt illi l-ġurnalisti u l-produtturi tal-programmi ta’ aħbarijiet kurrenti ikollhom liberta’ editorjali sħiħa.
Waqt il-konferenza ntqal ukoll li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija mħassba u qed tosserva mill-qrib ukoll il-mod kif qed jittella’ l-programm “Niskata” fl-iskeda ta’ matul il-ġimgħa fuq ix-xandir pubbliku. “Madankollu, l-akbar tħassib tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista hu li dan il-programm imħallas minn flus in-nies u fuq ix-xandir tan-nies qed isir vetrina li indirettament tirreklama bosta persuni li kienu jew huma kandidati tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali bħal Ray Abela u Joe Etienne Abela,” tennew il-Kelliema tal-PN.
Il-Partit Nazzjonalista qal li ħa jkun qed idaħħal żewġ protesti mal-Awtorità tax-Xandir rigward dan l-iżbilanċ fil-PBS.