Il-PN Jgħid li L-Immaniġġjar Tal-Fondi Ewropej F’Malta Qed Iqajjem Suspetti

 Il-PN Jgħid li L-Immaniġġjar Tal-Fondi Ewropej F’Malta Qed Iqajjem Suspetti

Wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tkellmet dwar kif miljuni t’ewro fondi Ewropej f’Għawdex qed jitħallew jintremew jew jintilfu taħt għajnejn il-Gvern Laburista b’relazzjoni max-xiri ta’ coaches, l-Gozo Museum  u t-toroq, issa kien hemm żviluppi oħra mxandra fil-mezzi tax-xandir li jkomplu jżidu t-tħassib dwar kif qed jiġu mmaniġjati l-istess fondi Ewropej f’pajjiżna.

Dan intqal fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Għaqdiet volontarji, fondi Ewropej u Għajnuna tal-istat, Kevin Cutajar.

L-ewwel żvilupp jirrigwarda inkjesta Maġisterjali li ġiet ordnata mill-Qorti dwar eluf t’ewro f’fondi Ewropej li ntużaw biex inbnew ħitan tas-sejjieħ ġewwa Triq il-Bufula f’Ħad-Dingli.

Il-Kelliem tal-PN qal li “inkjesta Maġisterjali hi ħaġa gravi, li żgur ma ġietx ordnata għall-gost ta’ xi ħadd u magħha hemm marbuta pieni kriminali f’każ ta’ ħtija.” Huwa kompla jisħaq li “fin-nuqqas ta’ spjega kredibbli, din l-inkjesta Maġisterjali żgur mhix se tgħin biex pajjiżna jżomm isem tajjeb dwar kif qed jimmaniġja l-fondi Ewropej mogħtija lilu mill-Unjoni Ewropea.”

“It-tieni żvilupp li jtappan isem Malta fejn jidħlu fondi Ewropej, jirrigwarda ż-żjara f’pajjiżna tal-kap tal-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, Laura Kovesi,” kompla Kevin Cutajar filwaqt li sostna li  din uriet it-tħassib tagħha għall-fatt li tul l-aħħar sena, l-uffiċju tagħha ma rċieva prattikament ebda rapport minn pajjiżna ta’ frodi relatat ma’ fondi Ewropej.

Cutajar saħaq li Kovesi qed tqis in-nuqqas ta’ rapporti minn Malta bħala mod kif pajjiżna possibbilment qed jaħbi abbużi fl-immaniġġjar ta’ fondi Ewropej.

Il-Kelliem tal-PN temm jgħid li quddiem dawn l-iżviluppi, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għal darb’oħra ma tistax toqgħod siekta. “Din tas-suspetti dwar immaniġjar ħażin tal-fondi Ewropej hi sfortunatament biss waħda minn kullana ta’ stejjer negattivi li seħħew tul l-aħħar snin ta’ Gvern Laburista u li se jirriskjaw jagħmluha aktar diffiċli għall-Maltin igawdu mill-opportunitajiet kbar li toffri l-Unjoni Ewropea.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com