Il-President George Vella Jżur Il-Port Ħieles
Waqt żjara li l-President ta’ Malta George Vella kellu fil-Port Ħieles innota kif fiċ-ċirkustanzi tal-aħħar xhur, il-ħidma fil-Port kienet waħda “fundamentali għalina bħala gżira, speċjalment meta wieħed iqis li 85% tal-oġġetti importati li nikkunsmaw jgħaddu mill-Port Ħieles.”
F’diskors matul iż-żjara li għaliha l-President kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, il-President irrikonoxxa l-ġieħ li jixraqlu l-Port Ħieles għall-kontribut li ta tul is-snin lit-tkabbir tal-ekonomija Maltija, l-opportunitajiet ta’ xogħol u l-irwol prominenti li ta lil Malta fir-reġjun Mediterran.
Huwa nnota bi pjaċir li l-Korporazzjoni ssieħbet mal-Assoċjazzjoni ‘MedPorts’ bħala membru fundatur u stqarr li dan kien “pass għaqli ħafna għaliex dawn it-tip ta’ sħubiji jgħinu ħafna sabiex jiġu diskussi miżuri tal-aħjar prattika u taħriġ.”
Il-President tkellem ukoll dwar l-importanza tal-infurzar tar-regoli tal-ħarsien tas-sigurtà biex is-saħħa tal-1,500 impjegat tkun garantita.
F’isem il-poplu Malti, il-President radd ħajr lill-ħaddiema tal-Port Ħieles għall-irwol kruċjali li komplew jaqdu matul il-pandemija biex ir-rota tkompli ddur u jittaffew l-effetti fuq il-familji Maltin u Għawdxin. Wera wkoll apprezzament għall-ħidma li qed issir biex il-lokal ta’ Birżebbuġa tingħatalu importanza fir-rigward tal-impatt li l-operat tal-Port Ħieles jista’ jkollu fuq l-ambjent tal-madwar.
Ritratti: DOI