Il-President Jiltaqa’ Mas-Segretarju Ġenerali Tal-Kunsill Ta’ Kooperazzjoni Tal-Golf

 Il-President Jiltaqa’ Mas-Segretarju Ġenerali Tal-Kunsill Ta’ Kooperazzjoni Tal-Golf

Il-President Vella ddiskuta s-sitwazzjoni reċenti fir-reġjun tal-Golf ma’ Dr Nayef Falah Al-Hajraf, Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC), fil-Palazz ta’ Sant’Anton.

Il-President fakkar li r-relazzjonijiet bejn Malta u l-GCC bħalissa qed jissawru fil-qafas ta’ Memorandum ta’ Qbil li jinkludi wkoll pjan ta’ azzjoni li ġie ffirmat f’Jannar 2017. Saħaq dwar l-importanza li Malta tagħti lir-relazzjonijiet mas-sħab fir-reġjun kif ukoll lill-Kunsill stess u żied jgħid li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni ser tagħti spinta tajba lejn din id-direzzjoni.

Il-President Vella osserva li Malta dejjem ħeġġet it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-GCC. Malta tilqa’ t-twessigħ tar-relazzjonijiet permezz ta’ żieda fil-kuntatti bejn il-popli fl-oqsma ekonomiċi, edukattivi u kulturali.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali ddeskriva lil Malta bħala pajjiż li ilu sieħeb tal-Kunsill għal ħafna snin u li l-Kunsill jafdah, u żied jgħid li Malta hija meqjusa bħala l-bieb tal-membri għall-Ewropa. Is-segretarju ġenerali ta ħarsa ġenerali tal-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn il-membri tal-Kunsill u qal li dawn issa ssaħħew f’numru ta’ oqsma. Huwa spjega wkoll il-pożizzjoni tal-GCC dwar l-iżviluppi fil-Libja, fl-Afganistan u fil-Jemen kif ukoll ir-relazzjonijiet mal-Iran.

Il-President Vella huwa mistenni li jżur ir-reġjun tal-Golf is-sena d-dieħla.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo akkumpanja lill-President Vella f’din il-laqgħa.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com