Il-President Jirċievi L-Kredenzjali Mingħand Tliet Kapijiet Ta’ Missjoni Ġodda
Tliet Kapijiet ta’ Missjoni ġodda ppreżentaw il-kredenzjali diplomatiċi tagħhom lill-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz ta’ Sant’Anton nhar il-Ħamis 7 ta’ Ottubru 2021.
L-Ambaxxatriċi tar-Repubblika tal-Iraq, Safia Taleb Al-Souhail, kienet l-ewwel waħda li ppreżentat l-Ittri tal-Kredenzjali tagħha. Il-President Vella esprima l-appoġġ tiegħu lill-poplu tal-Iraq hekk kif jinsab fit-triq ta’ rikostruzzjoni u għaqda nazzjonali. Huwa esprima wkoll it-tama li din l-inizjattiva tiġi sfruttata biex jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali ma’ Malta. L-Ambaxxatriċi Al-Souhail tat ħarsa ġenerali lejn il-proċess tar-riforma li għaddej bħalissa, li jinkludi miżuri politiċi, ekonomiċi, u rikonċiljatorji maħsuba biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tal-popolazzjoni. It-tnejn qablu dwar il-bżonn li fil-Golf ikun hemm relazzjonijiet tajbin bejn il-pajjiżi ġirien, fid-dawl tal-influwenza tar-reġjun fuq l-istabbiltà globali.
Ippreżentat l-Ittri tal-Kummissjoni tagħha wkoll il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, Nosipho Nausca Jean Ngcaba. Il-President Vella qal li Malta tilqa’ t-tisħiħ tal-kuntatti fl-oqsma kollha u rrefera għax-xejra soda ta’ kooperazzjoni mil-lat multilaterali, primarjament permezz tal-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth. Il-Kummissarju Għoli Ngcaba informat lill-President li l-Afrika t’Isfel tinsab ħerqana li taqsam ma’ Malta l-aħjar prattiki u esperjenzi fl-oqsma tal-provvista tal-ilma, tas-sajd, tar-riċerka medika, u tal-enerġija rinnovabbli. Hija rreferiet ukoll għar-rekord prominenti ħafna li Malta għandha fit-tbaħħir fil-livell internazzjonali u ddeskrivietu bħala wieħed mill-interessi l-kbar tal-Afrika t’Isfel.
It-tielet Kap ta’ Missjoni li ppreżenta l-ittri tal-kredenzjali tiegħu kien l-Ambaxxatur tar-Renju tal-Iżvezja, Andrés Jato. Il-President Vella feraħ lill-Iżvezja talli matul din is-sena qiegħda tippresjedi l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa. Huwa rrefera wkoll għall-interessi komuni ta’ Malta u l-Iżvezja biex tiġi żgurata l-istabbiltà fil-pajjiżi li jinsabu fin-Nofsinhar u fil-Lvant tat-territorju tal-Unjoni Ewropea. L-Ambaxxatur Jato qabel mal-President Vella li ż-żewġ pajjiżi għandhom l-istess tħassib dwar l-isfidi internazzjonali komuni, filwaqt li rrefera b’mod partikolari għall-iżviluppi fl-Afganistan u l-kwistjoni tal-migrazzjoni.
Matul ikla ta’ ħidma mal-Ambaxxaturi u l-Kummissarju Għoli l-ġodda, il-President Vella ferħilhom għall-ħatriet distinti tagħhom u ħa l-opportunità biex awguralhom kull suċċess fil-ħidma tagħhom.