Il-President Jitkellem Dwar L-Importanza Tat-Taħriġ Fis-Snajja Waqt Żjara F’Halmann Vella

 Il-President Jitkellem Dwar L-Importanza Tat-Taħriġ Fis-Snajja Waqt Żjara F’Halmann Vella

“Ma rridux inaqqsu mill-importanza tat-taħriġ fis-snajja u l-manifattura bħalha settur b’saħħtu fl-ekonomija ta’ pajjiżna”, stqarr il-President ta’ Malta George Vella waqt żjara li kellu t-Tlieta filgħodu fil-kumpanija Halmann Vella. Huwa rrefera wkoll għall-bżonn tar-rispett lejn il-ħaddiem u ż-żamma tal-armonija industrijali fuq il-post tax-xogħol.

Il-President Vella tkellem dwar dan filwaqt li nnota bi pjaċir kif l-operat ta’ din il-kumpanija kompla jevolvi matul is-snin biex tul dawn l-aħħar ħamsa u sittin sena minn kemm ilha mwaqqfa l-istess kumpanija, baqgħet iżżomm ruħha aġġornata mat-talbiet tas-suq u l-ħtiġijiet tal-ħajja moderna.

Huwa esprima wkoll l-apprezzament tiegħu għall-għajnuna li Halmann Vella dejjem tat lil The Malta Community Chest Fund Foundation u ferħilhom tal-kwalità u l-professjonalità li biha joperaw.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Kap Eżekuttiv ta’ Halmann Vella s-Sur Kevin Rapinett fisser kif is-sena d-dieħla mistennija jibdew ix-xogħolijiet fuq l-estensjoni tal-fabbrika tal-istess grupp f’Ħal Far. Meta tkellem dwar l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19, is-Sur Rapinett innota b’sodisfazzjon l-isforzi koordinati li saru mill-impjegati kollha biex ikompli l-operat.

Matul din iż-żjara, il-President Vella kellu l-opportunità li jżur il-fabbrika u anke s-showroom tal-istess kumpanija u ltaqa’ wkoll mad-Diretturi u l-ħaddiema tal-istess Halmann Vella.

Fi tmiem iż-żjara, il-President ta’ Malta ġie ppreżentat bi skultura tal-irħam mill-artist Paul Scerri, konsulent artistiku u impjegat tal-istess kumpanija. ​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com