Il-President Ta’ Malta Jżur General Soft Drinks

 Il-President Ta’ Malta Jżur General Soft Drinks

Il-President ta’ Malta George Vella żar il-binja ta’ General Soft Drinks Ltd, fiż-Żona Industrijali tal-Marsa.

Il-President u s-Sinjura Vella ġew spjegati l-proċess fit-taqsimiet ta’ produzzjoni, imbottiljar, u ppakkjar, u kellhom l-opportunità li jiltaqgħu u jitkellmu ma’ diversi impjegati tal-kumpanija.

Fid-diskors tiegħu, il-President Vella faħħar lil General Soft Drinks għall-kontribut tagħha lill-ekonomija Maltija u ddeskriva l-kumpanija bħala “pilastru tas-settur tal-manifattura f’Malta.”

Il-President Vella nnota l-importanza li din il-kumpanija tagħti lill-ambjent u s-sostenibbiltà, speċjalment fil-ħidma tagħha biex tindirizza l-kwistjoni tal-iskart mill-plastik f’Malta u l-pjanijiet tagħha għall-ġejjieni biex tittratta l-iskart mill-plastik b’mod ġenerali. Huwa ħeġġeġ lill-impjegati kollha biex ikomplu jaħdmu f’dan l-impenn tagħhom u jistinkaw f’dan ir-rigward.

“Ikun tajjeb ukoll li narawkom tiżviluppaw aktar l-interazzjoni tagħkom mal-istudenti li jibdew taħriġ vokazzjonali. L-esperjenza prattika f’din il-binja, u f’ambjent professjonali ta’ livell għoli, tista’ tipprovdi benefiċċji enormi lill-istudenti żgħażagħ tagħna”, qal il-President Vella.

Huwa faħħar ukoll ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tal-kumpanija u rringrazzja lill-kumpanija għall-appoġġ kontinwu tagħha lill-Malta Community Chest Fund Foundation.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com