Il-Pulizija B’Ħidma Fil-Ħamrun U L-Marsa Biex Twaqqaf Illegalitajiet

 Il-Pulizija B’Ħidma Fil-Ħamrun U L-Marsa Biex Twaqqaf Illegalitajiet

Il-Pulizija fil-jiem li għaddew wettqet diversi spezzjonijiet wara diversi rapporti li rċeviet b’rabta ma illegalitajiet li setgħu kienu qed isiru fil-Ħamrun u l-Marsa.

Propju nhar il-Ġimgħa, il-Pulizija tad-Distrett, tal-Komunità, tad-Drogi, tar-Rapid Intervention Unit, tal-Immigrazzjoni u tal-Klieb, f’ħidma konġunta wettqu spezzjonijiet ġewwa ħwienet fi Triq Qormi u Triq Dun Nerik Cordina Perez fil-Ħamrun, kif ukoll ġewwa Ġnien is-6 t’Awwissu ġewwa l-Marsa.

Fi stqarrija ntqal li waqt dawn il-kontrolli ġew iċċekkjati d-dokumenti tal-persuni li nstabu f’dawn il-postijiet, u minn diversi tfittxijiet li saru, xi persuni nstabu fil-pussess tad-droga, filwaqt li ġew iċċekkjati wkoll il-permessi tal-istabbilimenti involuti.

Ġewwa Ġnien is-6 t’Awwissu fil-Marsa, instabu wkoll numru ta’ pakketti bid-droga kannabis, kif ukoll droga sintetika moħbija fil-ħamrija.

Matthew Pullicino

Insegwi b'mod attiv dak kollu li jkun qed jiġri, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Naffaxina ruħi bl-istorja, arti kultura li għandna f'pajjiżna u dak kollu li huwa Malti. Naħdem ħafna qrib għaqdiet volontarji fil-qasam kulturali u l-esperjenza tiegħi f'dan ix-xogħol nieħu pjaċir naqsamha ma' ħaddieħor