Il-Pusé U Ċikku L-Poplu F’Avvenimenti Tal-VCA – Lejl Ieħor Bil-Malti Pur

 Il-Pusé U Ċikku L-Poplu F’Avvenimenti Tal-VCA – Lejl Ieħor Bil-Malti Pur

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed torganizza kunċert ta’ mużika klassika bis-sehem ta’ George Curmi il-Pusé u serata ta’ satira Maltija ma’ Ċikku l-Poplu, bħala parti mis-sensiela ta’ avvenimenti li qed jittellgħu din il-ħarifa.

Classic Notes ser jittella’ fit-30 ta’ Ottubru fil-Pro Katidral ta’ San Pawl fis-7.30pm minn Joseph Chircop fuq it-trumbetta u Joe Caruana fuq l-orgni, flimkien ma’ George u Bernard Curmi fuq il-vjolin.

Il-kwartett se jkun qed jinterpreta il-Prelude & Fugue u il-Concerto in D Minor għal żewġ vjolini ta’ Bach, is-Sonata No. 6 għall-orgni ta’ Mendelssohn, is-Sonata Nru 12 f’D Minor ta’ Corelli, it-Trattenimenti per Camera ta’ Maurizio Cazzati u l-Fantasia Per Piccolo Trumpet ta’ Telemann, fost l-oħrajn.

Il-biljetti jistgħu jinxtraw għall-prezz ta’ €5 minn showshappening.com

Għalkemm il-biljetti għas-serata ta’ satira bil-Malti flimkien ma’ Ċikku l-Poplu, taħt forma ta’ lejla mużiko-letterarja – li ser titella’ fis-6 u s-7 ta’ Novembru – inbiegħu, ħarġu l-biljetti għal-lejl ieħor fil-5 ta’ Novembru. Din is-serata ser titella’ fir-Royal British Legion, Triq Melita, il-Belt Valletta.

Din id-darba, Ċikku l-Poplu joffri b’mod esklussiv għall-pubbliku siltiet letterarji mill-Arkivju Sigriet Nazzjonali, fosthom l-ittri ta’ Pjali Paxa lis-Sultan Sulejman waqt l-Assedju l-Kbir, u l-ittri ta’ San Pawl lill-Maltin.

Nistednukom tqattgħu serata fejn kollox u kulħadd jispiċċa fil-mira tal-kanzunetti u kitbiet satiriċi mill-pinna ta’ Alex Vella Gregory. Politika, ambjent, kultura, soċjetà…ħadd ma jeħlisha ħafif.

Din is-serata hi maħsuba għal udjenza adulta (16+).

Biljetti għall-prezz ta’ €12 minn showshappening.com

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com