Il-VCA U The Travellers Jikkollaboraw Bil-Valletta Rooftop Sessions

 Il-VCA U The Travellers Jikkollaboraw Bil-Valletta Rooftop Sessions

Il-grupp lokali rebbieħ ta’ diversi Premji The Travellers, qed iniedi l-Valletta Rooftop Sessions, li ġew irrekordjati fil-ġnien ta’ fuq il-bejt tal-Valletta Design Cluster permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Dan il-ġnien jipprovdi sensazzjoni intima, u sfond uniku tal-belt, li jippermetti lill-grupp mużikali biex jippreżenta l-album tiegħu f’ambjent ħaj u dinamiku.

“L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta temmen bis-sħiħ fl-artisti Maltin u kontinwament tappoġġja x-xogħol tagħhom. L-isforzi irduppjaw matul il-pandemija tal-Covid 19 biex jiġi żgurat li l-prattikanti fil-qasam kulturali ma jkunux abbandunati. Flimkien mal-artisti, l-Aġenzija intensifikat ix-xogħol tagħha u fittxet modi ġodda sabiex jintlaħqu l-udjenzi,” tenna ċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef.

“Aħna kburin ħafna li stajna nikkollaboraw mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Irċevejna appoġġ kbir fuq dan il-proġett, u grati ħafna li l-VCA qed tappoġġja x-xena mużikali lokali b’dan l-entużjażmu,” jgħid Chris Gatt, il-kantant ewlieni u l-frontman ta’ The Travellers.

Il-grupp jemmen li l-mużika live tagħti lis-semmiegħa l-opportunità li japprezzawha b’mod differenti, speċjalment meta saru arranġamenti speċifikament għall-album li jmiss tagħhom Inżul u Tlajja’. Dan l-aħħar proġett ser jittella’ live nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Ottubru 2021 fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt Valletta.

It-tieni studio album ta’ The Travellers Inżul u Tlajja’ huwa sforz konxju għall-grupp biex jesprimi ruħu dwar l-esperjenzi tal-ħajja. Id-diversi kanzunetti tal-album għandhom sfond realistiku u huma bbażati fuq l-esperjenzi tal-kittieb, fuq l-interpretazzjoni tiegħu ta’ diversi avvenimenti u fuq kwistjonijiet soċjali li qed jaffetwaw il-ġenerazzjoni żgħazugħa.

Il-proġett ġie żviluppat fuq erba’ snin u kien jinkludi kollaborazzjonijiet ma’ diversi għaqdiet non-governattivi biex jifhmu u jikkonċettwalizzaw aktar dwar kwistjonijiet soċjali li jissemmew.

“Ridna li l-album ikun riflessjoni ta’ x’inhi l-ħajja tassew, mumenti ta’ dwejjaq iżda wkoll mumenti ta’ opportunità u kuntentizza. Ir-riżultat aħħari huwa album ta’ 13-il diska, varjat ħafna mużikalment, b’element soċjali qawwi li l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar jistgħu jirrelataw miegħu.” – jgħid il-kitarrista u kant-awtur Andrew Vella.

Meta mistoqsi dwar għaliex jiktbu bil-Malti, il-kantant ewlieni u l-frontman, Chris Gatt wieġeb:
“Mill-esperjenza tal-passat tagħna, nafu li l-ġenerazzjoni żagħżugħa Maltija tħobb tidentifika ruħha ma’ kanzunetti miktuba f’ilsien art twelidna, u dan il-proġett ikompli jikkonsolida dan il-fatt billi fl-aħħar tal-ġurnata, il-kanzunetti f’dan l-album huma kollha dwar il-ħolqien ta’ konnessjoni personali mas-semmiegħa.”

The Travellers huwa wieħed mill-gruppi pop ewlenin f’Malta u kabbru l-popolarità tagħhom wara r-rilaxx tal-EP ‘Xemx u Xita’ fl-2016 u t-tliet singles suċċessivi: Sempliċità, Dak li Int u Xemx u Xita.

L-ewwel album tagħhom, ‘Iljuni fis-Silġ’, maħruġ fl-2018, huwa xhieda oħra tal-versatilità tal-grupp, b’diski ferrieħa bħal Ħafi Paċi Kuluri u Ersaq fil-Qrib, li rnexxielhom jiġbdu l-attenzjoni ta’ eluf. Wara dawn ir-rilaxxi, il-grupp laħaq aktar minn 3 miljun view fuq il-Youtube Channel tiegħu u kellu 500K streams fuq Spotify filwaqt li rebaħ bosta premjijiet.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com