“Illum, Qed Jintwera B’Mod Mill-Aktar Ċar Kemm Hu Importanti Li Għawdex Jiġi Nkluż Fil-Pjan Tal-Metro” – Alex Borg
“Illum, qed jintwera b’mod mill-aktar ċar kemm hu importanti li Għawdex jiġi nkluż fil-pjan tal-metro,” hekk saħaq il-kandidat Għawdxi tal-PN Alex Borg hekk kif għal ġurnata oħra l-fast ferry mhux qed jaħdem minħabba riħ qawwi.
F’messaġġ li kiteb dalgħodu fuq il-mezzi soċjali tiegħu dwar l-interkonnettivita’ bejn Malta u Għawdex, Alex Borg qal li l-proġett tal-‘fast ferry’ tejjeb il-ħajja tal-istudenti u l-ħaddiema Għawdxin, pero’ mhuwiex biżżejjed.
“Il-‘fast ferry’ u l-vapuri mhumiex ser isolvu l-problema tal-maltemp, speċjalment fix-xhur tax-xitwa,” sostna Borg filwaqt li qal li “apparti hekk, l-istudent u l-ħaddiem Għawdxi qed ibagħtu minħabba l-fatt illi issa ir-rotta X300 m’għadhiex topera miċ-Ċirkewwa.”
Huwa temm jgħid li għandu jinġibed ħabel wieħed minn kulħadd sabiex il-ħajja tal-Għawdxin tkun prijorità.