Illum Saret Il-Konferenza Nazzjonali Għat-Tibdil Fil-Klima – X’Intqal?

 Illum Saret Il-Konferenza Nazzjonali Għat-Tibdil Fil-Klima – X’Intqal?

Il-Gvern għandu viżjoni, pjan ċar u miżuri konkreti biex nimxu lejn in-newtralità mill-karbonju u nindirizzaw it-tibdil fil-klima. Wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, il-Long Term Renovation Strategy (LTRS) u l-Low Carbon Development Strategy (LCDS) ġew finalizzati, b’din tal-aħħar se tiġi sottomessa lill-United Nations Framework Convention on Climate Change (UNFCC).

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt il-Konferenza Nazzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima li ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u mis-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius.

Il-Ministru Farrugia qal li pajjiżna kien wieħed minn tal-ewwel li ddikjara li se nkunu qed nilħqu l-mira tagħna ta’ newtralità klimatika sal-2050. “Sforzi internazzjonali kontra t-tibdil fil-klima qed jiżdiedu hekk kif resqin lejn il-konferenza tal-Ġnus Magħquda magħrufa bħala COP26 fi Glasgow ftit jiem oħra. Ħdimna u fassalna pjanijiet strateġiċi b’saħħithom, pjanijiet li bihom se naħdmu biex innaqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’19% sat-2030. Fost dawn l-istrateġiji hemm il-LCDS. B’hekk Malta għandha l-pjan ambizzjuż biex tagħmel il-parti tagħha fit-taqbida kontra t-tibdil fil-klima u tilħaq l-għanijiet li għandna quddiemna b’mod li ma nweġġgħux lill-vulnerabbli u li ma nġibux lill-ekonomija Maltija inqas kompetittiva. Min-naħa l-oħra, hemm l-opportunità li permezz tal-European Green Deal niddiversifikaw l-ekonomija tagħna, hemm niċeċ ekonomiċi ġodda jistennewna. Malta hi l-inqas pajjiż li jniġġes per capita fl-Unjoni Ewropea kollha. Biex nimxu ’l quddiem irridu nirrimarkaw b’mod pożittiv it-tajjeb li ksibna għax pajjiżna diġà għamel ħafna. Fadal ħafna xi jsir iżda nżommu f’moħħna li għandna għanijiet ambizzjużi ħafna għal pajjiżna,” qal il-Ministru Farrugia.

“Bħala ministeru responsabbli mit-trasport f’pajjiżna, nemmnu bi sħiħ fl-importanza li għandu dan is-settur u l-potenzjal b’saħħtu li għandu sabiex iħalli impatt pożittiv ħafna u jkun kontributur ewlieni fil-mixja lejn pajjiż aktar sostenibbli u nadif. Bħala parti mill-istrateġija tal-LCDS, aħna bbażajna fuq erba’ miżuri prinċipali li uħud minnhom anke bdiet il-ħidma fuqhom fejn permezz tagħhom se nkomplu nixprunaw, anke fuq skala nazzjonali, sabiex il-viżjoni ta’ dan il-gvern favur is-sostenibbiltà tintlaħaq bl-aktar mod naturali u bl-inqas impatt possibbli fuq il-poplu. Nemmnu bi sħiħ fl-eletrifikazzjoni tal-vetturi u għalhekk miżura effettiva ħafna hi li b’investiment ta’ €40 miljun minn fondi Ewropej, sal-2030 se nkunu qed nelettrifikaw il-flotta tat-trasport pubbliku; total ta’ 370 vettura. Bl-għotja tal-akbar pakkett ta’ grants li qatt ra pajjiżna se nkomplu nerfgħu mill-piż tal-poplu u ninċentivaw sabiex issir il-bidla għal vetturi li jniġġsu anqas. B’dan il-mod se nkomplu nkunu ta’ spalla u flimkien naħdmu għal aktar riżultati sabiex pajjiżna tassew ikun fil-quċċata f’dik li hi sostenibbiltà,” qal il-Ministru Ian Borg.

Il-Ministru Miriam Dalli saħqet dwar kif il-gvern qed jagħti direzzjoni ċara lill-pajjiż. “Qed inħeġġu lill-familji, lin-negozji, lill-entitajiet pubbliċi u dawk privati biex ilkoll flimkien nimxu t-triq tad-dekarbonizzazzjoni.” Il-Ministru Dalli spjegat li din il-ħidma qed tħalli l-frott, kemm fid-djar residenzjali li qed jinvestu f’aktar enerġija rinnovabbli u tagħmir li huwa effiċjenti kif ukoll mis-settur privat li qed jinvesti fis-sostenibbiltà. “Din il-ġimgħa stess ħabbarna investiment multimiljunarju għall-espansjoni ta’ kumpanija li qed topera f’impjant li huwa carbon neutral. L-impenn ta’ dan il-gvern huwa li nibqgħu nkunu ta’ appoġġ u ninċentivaw il-bidla,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li hu importanti li jkollna binjiet residenzjali u binjiet industrijali li jgħinu t-tnaqqis fil-bżonn tal-ikkunsmar tal-enerġija. Dan jgħin lill-konsumatur jikkonsma inqas u awtomatikament iħallas inqas kif ukoll iwassal għal inqas emissjonijiet. Enfasizza li l-Longterm Renovation Strategy, li issa ser tiġi implimentata, ser tkun kruċjali biex tinkoraġġixxi r-rinnovar u l-użu effiċjenti tal-enerġija. Fl-istess waqt din ser tippromwovi l-utilizzar ta’ sorsi rinnovabbli tal-enerġija. Ikkonkluda li b’għaqal, dan il-gvern ser ikompli jagħmel id-differenza għall-ambjent tagħna u għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com