“Insib Ħin Għall-Familja Dejjem” – Il-Ħidma Ta’ Karl Izzo, L-Isport U L-Familja
Karl Izzo huwa isem magħruf fostna. Bniedem li għamel suċċess speċjalment fil-qasam sportiv. Għen biex iqajjem fuq tiegħu l-isports tal-Waterpolo f’Malta iżda mhux biss.
Fl-1 ta’ Lulju tal-2019, Izzo nħatar bħala Ambaxxatur ta’ Malta għall-Montenegro. Dan il-pajjiż qed jaħdem u jħabbrek sabiex jidħol membru stat tal-Unjoni Ewropea. Tkellimna miegħu fejn qalilna li r-relazzjoni ta’ bejn dan il-pajjiż u Malta huma tajbin immens. Billi huwa ntiż fl-isports, irnexxielu wkoll jgħin u jiffaċilita li 5 players Maltin tal-waterpolo jittrenjaw fil-Montenegro. Il-players jittrenjaw madwar 6 sigħat kuljum f’livell professjonali.
Dawn huma ‘junior players’ mit-tim nazzjonali tal-Waterpolo Malti li qed jingħataw pjattaforma fl-isfera internazzjonali grazzi għall-ħidma li qed iwettaq Karl Izzo. Qalilna li bħalissa l-Montenegro għaddejja minn riforma minħabba li nbidel il-Gvern ftit taż-żmien ilu. Hawnhekk tana wkoll spunti dwar kif Malta u l-Montenegro jistgħu jkomplu jikkollaboraw flimkien fl-aspett turistiku, għalkemm iż-żewġ pajjiżi huma żgħar, iżda għandhom ħafna x’joffru.
Karl ġej minn familja sportiva tant li nannuh kien popolari mmens f’pajjiżna. Qed nirreferu għal Tony Nicholl li kien plejer tal-futbol Malti li huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa li qatt dehru fix-xena Maltija. Minkejja dan, Karl qalilna li hu l-football iħobb jarah biss għaliex il-passjoni tiegħu tibqa’ fil-waterpolo. Fil-fatt, huwa l-coach tat-tim nazzjonali sa mill-2013. Karl ħadem ferm f’dan il-qasam. Fil-passat, il-waterpolo kien meqjus bħala sport tas-sajf. Illum l-istorja hija differenti. Qalilna li dan il-progress sar ukoll bl-għajnuna kbira tal-Gvern li nvesta bis-saħħa fih. Semma l-proġetti tal-pitches il-ġodda f’ Għawdex, Marsascala, Marsaxlokk u fil-Belt Valletta.
Semma wkoll il-pitch ta’ Birżebbuġa u tas-Sirens li għadu kemm tlesta kif ukoll, il-proġett tal-Kottonera li ssemma fil-budget li tħabbar din il-ġimgħa fejn se jsir ‘olympic size pool’, il-ħolma ta’ kull appassjonat tal-isport akwatiku.
Ħadem ukoll biex il-players tat-tim nazzjonali, kemm il-kbar u anke mill-‘youths’ ikollhom opportunitajiet barra minn xtutna fejn immorru jittrenjaw. Sostna li l-ħidma ma tieqafx. “Irrid nkomplu nibnu fuq li hemm u nsaħħu dan il-qasam, sabiex ikun mal-aqwa 20 tad-dinja. Huwa diġà ta’ suċċess imma hawn talent enormi biex inkomplu navvanzaw“, qal Izzo, .
Mill-aspett personali, Karl flimkien ma’ martu Diane imexxu l-kumpanija Dizz Group. “Mill-aspett ta’ kummerċ, il-Gvern kien ta’ għajnuna kbira matul il-pandemija, illi kieku ma kinitx hi, konna nfallu. Il-Gvern kien preżenti, viċin tagħna u għenna nibqgħu għaddejjin. Mhux biss il-vouchers u l-inċentivi specjalment bil-wage supplement imma wkoll il-kuraġġ u s-sapport li tana l-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern Malti“, saħaq Karl Izzo.
Semma wkoll kif fil-qasam sportiv, il-Gvern għen b’għajnuna finanzjarja lil Sport Malta kif ukoll b’għajnuna finanzjarja fl-istrutturi sportivi ta’ pajjiżna fejn qed isiru passi kbar ‘il quddiem.
Bla dubju, semmejnielu ftit il-familja wkoll fejn uriena kemm hija importanti għalih. Spjegalna kif dejjem isib ħin għall-familja, għat-tifel u l-martu fejn joħorġu flimkien u l-ikla ta’ filgħaxija, jagħmel mezz li ssir flimkien.
Karl u Diane addottaw tifel minn Samara fir-Russja li llum għandu 22 sena. Ta’ 5 snin, bdew jiffosterjawh u ta’ 9 snin, addottawh kompletament. Qal li ma kienx żmien faċli u li f’mumenti minnhom, kienu se jaqtgħu qalbhom, iżda waslu. Valerii, it-tifel, illum jaf jitkellem kemm bil-Malti u anke bir-Russu.
Grazzi Karl u awguri fil-ħidma li twettaq.