Investiment Ta’ €1.2 Miljun F’Bandli Ġdid Fl-Entratura Tal-Imdina Fost Aktar Miżuri Mħabbra Fil-Budget 2022
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg indirizza konferenza tal-aħbarijiet waqt żjara fl-Imdina, fejn tkellem dwar ix-xogħlijiet li qed isiru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fuq il-bandli tal-Imdina, kif ukoll dwar il-miżuri tal-Baġit li se jkunu qed jibnu fuq il-viżjoni ta’ Malta li rridu nħallu għal uliedna.
Ix-xogħol fuq il-bandli jinkludi t-tneħħija tal-bandli eżistenti minħabba l-element ta’ periklu li kien qed joffri, se ssir installazzjoni ġdida ta’ dawl, rubber flooring ġdid, play equipment ġdid u interattiv, kannizzati u bankijiet solari, solar bins u street furniture. L-investiment mistenni jkun dak ta’ €1.2 miljun.
Il-Ministru Ian Borg qal li, “L-ispazji komunitarji jibqgħu fil-quċċata tal-prijoritajiet tagħna u rridu naċċertaw li dawn l-ispazji fl-irħula tagħna, f’dan il-każ dan il-bandli, ikun spazju fejn uliedna jqattgħu l-ħin liberu tagħhom fi spazju nadif u sigur. B’dan il-mod, dan il-gvern qiegħed jara li ma jħalli lil ħadd barra u għaldaqstant, għal darb’oħra, din is-sena ħabbarna baġit ieħor mibni fuq is-sisien ta’ gvern b’qalb soċjali, mibni b’reqqa u għaqal sabiex ikompli jqassam il-ġid. Dan hu baġit ieħor li jaħseb fil-familji, fl-anzjani, fl-istudenti, fit-tfal, imma jaħseb ukoll fin-negozji, fl-industriji u fi pjan nazzjonali għal Malta li rridu nħallu għal uliedna. Se nkomplu ninvestu għal aktar tkabbir u investiment, se nkomplu ninċentivaw għal aktar sostenibbiltà u infrastruttura ħadranija. Se nkomplu nkunu ta’ appoġġ u ngħinu lil min jixtri vetturi li jniġġsu anqas u lil min jagħżel li jivjaġġa b’modi ta’ trasport aktar nodfa. Se nagħtu servizz ta’ trasport pubbliku b’xejn lil kulħadd. Se nkomplu naħdmu b’impenn għalikom b’ħidma intensiva sabiex ikollna Malta li tassew nixtiequ nħallu għal uliedna.”
Fost l-iskemi li jaqgħu taħt il-Ministeru, it-trasport pubbliku se jkun b’xejn għal kulħadd b’investiment ta’ €4,600,000.
Fir-rigward ta’ trasport nadif, l-għotja finanzjarja biex tinċentiva x-xiri ta’ vetturi ġodda li jaħdmu bl-elettriku jew inkella plug-in hybrids se tiżdied bi €3,000, minn €9,000 għal €12,000. Apparti hekk, se tiżdied l-għotja finanzjarja fuq skrappjar ta’ vetturi li jħammġu f’Għawdex. L-ammont se jitla’ sa massimu ta’ €3,000.
Rigward l-iskemi favur vetturi li jniġġsu anqas għal sena oħra, se jiġu estiżi dawk il-miżuri marbutin ma’ xiri ta’ vetturi elettriċi li jinkludu li ma jkunx hemm taxxa ta’ reġistrazzjoni u eżenzjoni mill-ħlas tal-liċenzja annwali tat-triq għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tal-ewwel reġistrazzjoni, għal vetturi elettriċi u vetturi elettriċi plug-in. Mill-ewwel tas-sena ta’ 2023 il-capping tal-vetturi plug-in hybrids se titla’ minn 30 kilometru awtonomija fuq il-batterija għal 50 kilometru. Ir-rata speċjali applikabbli għal djar residenzjali biex individwi li għandhom vettura li taħdem bl-elettriku u matul il-lejl ikunu jridu jiċċarġjaw il-batterija se tibqa’ fis-seħħ. L-iskemi fejn qed tingħata għotja ekwivalenti għal rifużjoni sħiħa tal-VAT fuq roti u roti elettroniċi se terġa’ tiġi estiża. L-istess jgħodd għall-iskema li tinċentiva x-xiri ta’ muturi, scooters, pedelecs u roti assistiti b’mutur tal-elettriku, u l-għotja għal min jaqleb il-vettura tiegħu biex taħdem bil-gas minflok bil-petrol. L-iskema għall-vetturi aċċessibbli b’wheelchair li jintużaw għall-ġar ta’ passiġġieri bil-kiri jew b’kumpens se tiġġedded ukoll.
Se jkunu qed jiġu mnedija numru ta’ skemi ġodda, fosthom skema għall-vetturi li jiġu installati b’pannelli fotovoltajċi, fejn vetturi bħal minibuses, coaches u trakkijiet li fuqhom jiġu installati l-pannelli fotovoltajċi se jinghataw għotja sa massimu ta’ €900. Skema oħra li se tkun imnedija hija dik li tħajjar operaturi ta’ minibuses u coaches kif ukoll trakkijiet biex inaqqsu l-emissjoni tad-duħħan mill-vetturi tagħhom permezz ta’ installazzjoni ta’ particulate filters (DPF) u selective catalytic reduction (SCR) systems. Skema ġdida oħra tħajjar operaturi ta’ coaches u trakkijiet li jaħdmu bid-diesel sabiex jiġu installati b’magni li jaħdmu bl-elettriku.
Fis-settur tal-infrastruttura, tkompli l-ħidma estensiva fl-infrastruttura tat-toroq matul is-sena li ġejja, fejn se jitkomplew ix-xogħlijiet fuq il-mini ta’ Ħal Kirkop, l-Airport Intersection Project (KTAIP) u l-Bypass tal-Imrieħel fost proġetti oħra infrastrutturali.
Rigward l-infrastruttura marittima, il-konnettività f’Għawdex se tkun imtejba billi se jkunu mmodernizzati l-faċilitajiet tal-heliport fix-Xewkija. Apparti hekk, se jiżdiedu n-numru ta’ mollijiet, se jinħolqu rotot alternattivi, se jitlesta l-bini tal-mollijiet f’Tas-Sliema u Bormla, se jsir il-bini mill-ġdid tal-mollijiet u promenade ġdid bejn il-Birgu u l-Kalkara, kif ukoll il-bini mill-ġdid tal-breakwater ta’ Buġibba.
Ritratti: DOI