Ir-Relazzjoni Bejn L-Istati Uniti U L-UE Teħtieġ Li Tkun “Stabbilita Mill-Ġdid” – Alfred Sant
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-S&D Maltija fil-Parlament Ewropew Alfred Sant intervjena f’dibattitu plenarju dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-UE biex isostni li wasal iż-żmien li terġa’ tkun stabbilita l-alleanza storika bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti. Huwa ddikjara li r-relazzjoni transatlantika bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa kienet ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat u għad-dinja kollha. Madanakollu, issa jeħtieġ li din ir-relazzjoni tiġi adattata.
Il-plenarja tal-Parlament Ewropew kienet qed tiddibatti rapport miktub mill-MPE tal-S&D Tonino Picula, li mbagħad ivvutaw fuqu.
Fid-diskors tiegħu, l-eks Prim Ministru Sant enfasizza li l-Istati Uniti u l-UE għandhom profil istituzzjonali u politiku differenti u kompetenzi differenti.
Għalhekk staqsa jekk il-kontinwazzjoni tas-sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhiex tkun stabbilita fuq “valuri komuni” jew “interessi konverġenti”? Mhux realistiku li jkollok it-tnejn, huwa sostna. Sant wissa li meta tirrevedi r-relazzjoni tagħha mal-Istati Uniti, l-UE m’għandhiex tappoġġja lill-Istati Uniti bla ħsieb f’xi tellieqa kontra ċ-Ċina u lanqas m’għandha timbotta lill-Unjoni Ewropea lejn xi unjoni ta’ difiża prematura.
“Minħabba n-natura preżenti u l-kompetenzi tal-UE, ma jkunx aħjar li niffokaw l-ewwel fuq il-ħafna interessi konverġenti li jeżistu mal-Istati Uniti biex tiġġedded ir-relazzjoni bejn it-tnejn?” qal Sant.