“Irrid Immexxi Messaġġ B’Saħħtu Favur Malta” – Il-PN
“Irrid immexxi messaġġ b’saħħtu favur Malta.” Din hi il-wegħda li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, ftit qabel ma ħalla pajjiżna biex jattendi għal summit tal-Partit Partit Popolari Ewropew fi Brussell.
Din se tkun l-ewwel żjara uffiċjali bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, barra minn xtutna, b’mod fiżiku, għal Bernard Grech. Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista fejn tenniet li l-Kap tal-PN saħaq li din se tkun l-ewwel opportunità tiegħu biex jiltaqa’ wiċċ imb’wiċċ ma’ diversi mexxeja Ewropej inkluż kapijiet ta’ partiti u anke ta’ gvernijiet li magħhom diġa għandu relazzjoni li inbniet b’mod virtwali matul ix-xhur tal-pandemija. Hu saħaq li issa din ir-relazzjoni tista’ tkompli tissaħħaħ fejn wiegħed li se jmexxi l-każ ta’ Malta u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Bl-aktar mod ċar, Bernard Grech saħaq li se jkun qed jitkellem dwar pajjiżna b’mod pożittiv. “Malta hija ħafna aħjar minn kif qed tiġi deskritta fix-xena internazzjonali u minkejja li nafu li għandna diffikultajiet xorta waħda irrid immexxi messaġġ b’saħħtu favur pajjiżna.”
Il-Kap tal-PN stqarr li Malta u l-Maltin għandhom bżonn li jkollhom vuċi b’saħħitha fl-Unjoni Ewropea, “għandhom bżonn vuċi b’saħħitha mal-mexxeja ewropej.”
Bernard Grech qal li se jkun qed jitkellem b’mod pożittiv dwar kif pajjiżna mexa waqt il-pandemija tal-COVID-19, fejn se jsemmi l-mod ta’ kif ingħata l-vaċċin “biex nuru li f’dan il-pajjiż, meta nagħmlu l-affarijiet bis-serjetà u flimkien, nagħmluhom sew.”
Bejn illum u għada se jkun qed jittella’ s-summit għall-kapijiet tal-Partiti fi ħdan l-Partit Popolari Ewropew. Tul dan is-summit se tattendi l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen.
Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista għal dan is-summit hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino kif ukoll is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Roselyn Borg Knight.