“Is-Saħħa Sesswali Għandha Tingħata Prijorità” – Il-Partit Nazzjonalista

 “Is-Saħħa Sesswali Għandha Tingħata Prijorità” – Il-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista jrid li l-qasam tas-saħħa sesswali jingħata prijorità bħal kull servizz ieħor tas-saħħa għax ma jridx li l-każi ta’ infezzjonijiet u mard relatat mas-sess ikomplu jinfirxu. Għalhekk Partit Nazzjonalista fil-Gvern fi żmien sitt xhur jipprovdi b’xejn Morning After Pill kif ukoll kontraċezzjoni.

Dan kien il-messaġġ li għamel matul konferenza tal-aħbarijiet il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa Stephen Spiteri, fejn spjega li l-isfidi f’dan is-settur huma kbar, qed ikomplu jikbru u għalhekk, għandhom ikunu indirizzati fl-immedjat daqskemm fit-tul.

Stephen Spiteri nnota kif is-saħħa sesswali kienet injorata għalkollox mill-Gvern ta’ Robert Abela fil-Budget għas-sena d-dieħla. Minflok, il-Gvern ipprefera jkompli jiddedika l-miljuni lil ta’ Steward biex ikomplu jżommu f’idejhom tliet sptarijiet pubbliċi.

Kompla li din hi ħasra għax, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed tinħass il-ħtieġa ta’ aġġornament tal-politika biex tkun indirizzata ż-żieda allarmanti li qed naraw f’każi ta’ STDs, STIs u tqala mhux ippjanata.

Stephen Spiteri spjega li s-sitwazzjoni qed toħloq piż akbar fuq il-qasam mediku. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jappella għal aktar investiment, fost l-oħrajn b’żieda fil-professjonisti u fil-kumplament tar-riżorsa umana.

Barra minhekk, tenna li s-servizz għandu jkun eqreb taċ-ċittadin, ladarba ma nistgħux nibqgħu ċassi u ma nindirizzawx din is-sitwazzjoni b’mod serju.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista nnota kif huma 2% biss tal-popolazzjoni dawk li jieħdu ħsieb is-saħħa sesswali tagħhom b’viżti ta’ kull sena.

Għaldaqstant, hu appella wkoll għal aktar edukazzjoni fost it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna sa minn età iżgħar biex tinħoloq aktar kuxjenza.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Emma Portelli Bonnici, li fakkret kif il-Partit Nazzjonalista qed ikun proattiv biex jindirizza l-isfidi marbuta mas-saħħa sesswali.

Fil-fatt, fl-aħħar ġimgħat u xhur, wera kif Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech se jkun qed jara li saħħet kull wieħed u waħda minna tkun imħarsa.

Min-naħa l-oħra, tenniet Emma Portelli Bonnici, għandna Gvern li moħħu biss biex juża’ l-libertajiet ċivili daqslikieku kien xi ballun politiku. Tant hu hekk li llum qed ninnutaw kif ħela tmien snin milli jindirizza settur importanti bħalma hi s-saħħa sesswali.

U l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Ian Vassallo qal li, għax jemmen li din is-sitwazzjoni għandha tkun indirizzata mill-aktar fis biex nevitaw li jkollna epidemija li tolqot lill-familji kollha, il-Partit Nazzjonalista irid jinvolvi lil kulħadd biex itejjeb saħħet kull wieħed u waħda minna.

Filwaqt li tenna l-importanza tal-iscreening, kemm mill-irġiel, kif ukoll min-nisa, Ian Vassallo nnota kif il-Gvern mhux jinvesti kemm hemm bżonn u falla wkoll fl-outsourcing, li jista’ jgħin biex is-servizz ikun aktar aċċessibbli.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com