Is-Sajjieda F’Wied Il-Għajn Jiktbu Lill-Ministru Ian Borg Sabiex Jirtira L-Pjanijiet Għal Yacht Marina

 Is-Sajjieda F’Wied Il-Għajn Jiktbu Lill-Ministru Ian Borg Sabiex Jirtira L-Pjanijiet Għal Yacht Marina

38 sajjied li joperaw mill-Bajja ta’ Wied il-Għajn kitbu ittra lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, l-Onor. Ian Borġ, fejn sejħu sabiex il-pjanijiet għall-Yacht Marina jiġu mħassra għaliex dawn qed jheddu l-għajxien tagħhom.

Fl-ittra tagħhom is-sajjieda spjegaw kif, skont il-pjanijiet fis-sejħa għall-investituri li ħarġet Transport Malta, l-ispazji tant essenzjali għall-attività tas-sajd ser ikunu qed jittieħdu minn puntuni, jottijiet, reklamazzjoni tal-art u faċilitajiet għall-Yacht Marina. Is-sajjieda nsistew li l-Bajja ta’ Wied il-Għajn mhijiex biss il-post fejn jorbtu d-dgħajjes tagħhom, iżda wkoll il-post minn fejn ilestu dak kollu li jeħtiegu għas-sajd, minn fejn jgħabbu d-dgħajjes u minn fejn iħottu u jbiegħu il-qabda tal-ħut. Il-Yacht Marina se tkun qed toħnoq il-bajja kollha u tbiddel it-tip t’attività li ssir fiha, bir-riżultat li s-sajjieda ser jispiċċaw imkeċċijin minnha. Għalhekk huma saħqu li m’għandha tiġi kkunsidrata ebda Yacht Marina f’Wied il-Għajn.

Minn mindu ħarġu fil-beraħ il-pjanijiet ta’ Transport Malta għal Wied il-Għajn, bosta gruppi u individwi esprimew l-oppożizzjoni sħiħa tagħhom għal Yacht Marina fil-lokalità. Fosthom kien hemm gruppi tan-nar u tal-armar tal-festa li spjegaw kif il-Bajja ta’ Wied il-Għajn isservi bħala “l-pjazza” tar-raħal u, għalhekk, l-attivitajiet tal-festa huma fil-biċċa l-kbira marbutin ma din il-bajja u l-madwar tagħha. Dawn l-għaqdiet jinsabu inkwetati li partijiet sostanzjali tal-festa mhux ser ikunu jistgħu jiġu organizzati aktar ladarba l-bajja u x-xatt jispiċċaw fgati bis-700 jott imsemmija fis-sejħa ta’ Transport Malta. Barra minn dawn l-għaqdiet, mijiet ta’ residenti u persuni li jħobbu lil Wied il-Għajn esprimew ir-rabja tagħhom għal pjan li ser ikun qed jeqred il-qalba tal-lokalità u l-attivitajiet soċjali, kulturali u rikrejattivi assoċjati magħha.

Il-proġett tal-Yacht Marina qajjem ukoll tħassib kbir dwar l-impatt ambjentali li ser iħalli. Ir-reklamazzjoni tal-art u d-disturbi tal-jottijiet għandhom effetti estensivi fuq l-ambjent naturali tal-baħar li tant jirrikjedi ħarsien. Skont il-proposta ta’ Trasport Malta, il-Yacht Marina se tkun qed teqred 16,000 metru kwadru ta’ qiegħ il-baħar – l-ekwivalenti ta’ żewġ grounds u nofs tal-football – permezz ta’ reklamazzjoni tal-art. Il-Yacht Marina sejra wkoll inevitabbilment taffettwa bil-kbir sit tan-Natura 2000, il-Magħluq, għaliex l-ekosistema tiegħu hija intrinsikament marbuta ma’ dik tal-bajja.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com