Is-Segretarju Eżekuttiv tal-FATF Jirreżenja Waqt Li Jitfa Dubji Serji Dwar L-Awtonomija Tal-Organizzazzjoni

 Is-Segretarju Eżekuttiv tal-FATF Jirreżenja Waqt Li Jitfa Dubji Serji Dwar L-Awtonomija Tal-Organizzazzjoni

Is-Segretarju Eżekuttiv tal-FATF David Lewis irriżenja minn din il-kariga filwaqt li qajjem mistoqsijiet dwar il-kapaċità li din l-istituzzjoni globali hux qed topera b’mod indipendenti. Dan ġie rapportat fl-aħbarijiet internazzjonali.

Wieħed mir-rapporti ta’ ACAMS fuq is-sit moneylaundering.com qal li kiseb ittra li kiteb David Lewis lill-uffiċju tiegħu fit-23 ta’ Settembru ta’ din is-sena. Huwa kien ilu jokkupa din il-kariga minn Novembru 2015.

F’din l-ittra huwa kkonferma li ħa jkun qed jirreżenja mill-kariga tiegħu bħala Segretarju Eżekuttiv tal-FATF, għalkemm b’mod unanimu l-membri tal-bord kienu qablu li jġeddu l-kuntratt tiegħu bi tliet snin oħra.

“Unfortunately, this last renewal process involved a prolonged period of uncertainty, exasperated by a proposal out of the blue to introduce a new requirement that the role be readvertised, regardless of my performance,” kiteb Lewis

Għalkemm David Lewis ma qalx x’kien ir-rekwiżit il-ġdid li kien qed jintalab biex jiġġeddidlu l-kuntratt fl-aħħar ta’ l-ittra huwa indika li seta’ kien hemm xi influwenza fid-deċiżjonijiet.

“I hope my successor will be selected as I was, and all secretariat staff are—on merit, on the basis of fair and open competition,” kiteb Lewis fl-ittra tiegħu filwaqt li kompla jgħid, “I urge you to protect the secretariat and its professional status…so that they can continue to protect and serve you, the FATF, without fear or favor,” temm jgħid Lewis fl-ittra tiegħu.

Meta mistoqsi dwar din ir-riżenja, l-kelliem tal-FATF ikkonferma din ir-riżenja però ma tax aktar kummenti dwar dak li qal David Lewis.

Diversi kienu dawk li kkumentaw b’mod internazzjonali dwar din il-mossa fl-FATF u staqsew jekk verament din l-organizzazzjoni hux qed taħdem b’mod awtonomu mingħajr ebda nfluwenza.

F’Malta ukoll qajmet mistoqsijiet hekk kif il-pajjiż tpoġġa fil-lista l-griża f’Ġunju li għadda. B’sitwazzjoni li qed tpoġġi diversi negozji u għaqdiet f’diffikultajiet biex joperaw.

Franco Debono f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu kiteb li r-riżenja tal-Kap tal-FATF David Lewis titfa dubju serju fuq l-indipendenza u serjetà tal-organizzazzjoni. Huwa kompla jgħid li “dan il-pajjiż, b’mentalità kolonjali mill-aqwa, niżel għarkubbtejh quddiemha, waqt li għaddej proċess fejn nies sfortunatament qed jiġu mkissra biex l-pajjiż jingħoġob mal-FATF fuq taxxa.”

“Aħna nafu x’qed nagħmlu jew!? Għadna pajjiż sovran u indipendenti jew m’għadniex!?” temm jgħid l-Avukat Franco Debono.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com