It-Teatru Manoel Jagħti Merħba Lil Staġun Ġdid Wara Xogħlijiet Ta’ Restawr

 It-Teatru Manoel Jagħti Merħba Lil Staġun Ġdid Wara Xogħlijiet Ta’ Restawr

It-Teatru Manoel għadu kif introduċa staġun teatrali ġdid b’attività ta’ tnedija li ċċelebrat it-tlestija ta’ xogħlijiet fuq il-faċċata u fil-partijiet l-oħra ta’ dan il-bini storiku.

F’konferenza tal-aħbarijiet ġie muri x-xogħol ta’ restawr li sar fil-faċċata, u x-xogħlijiet interjuri oħra li saru, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel, Massimo Zammit, u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, José Herrera.

Waqt li l-faċċata ġiet restawrata għas-sbuħija oriġinali tagħha, l-istil karatteristiku tal-binja, tal-era Barokka, kien daqstant ieħor rispettat f’kull aspett tar-rinnovazzjoni estensiva li saret fuq ġewwa.

Fit-teatru nnifsu, il-wiċċ tal-palk ġie rrestawrat filwaqt li purtieri ġodda se jkunu qed jilqgħu ’l-udjenzi sa mill-ewwel spettaklu tal-istaġun. Linfa tal-ħġieġ minfuħ ta’ Murano u brazzi stil Rezzonico jikkumplimentaw ix-xena.

Matul ix-xhur li ġejjin se jitkomplew diversi xogħlijiet bil-ħsieb li tittejjeb l-aċċessibilità tal-post. Flimkien mar-rinnovazzjoni tal-binja tal-Abbazija ta’ Navarra, se jkun hemm uffiċċju akbar għall-bookings, żona għall-esebizzjoni b’wirjiet ta’ kostumi u artefatti relatati mal-istorja tat-teatru, kafetterija, spazju ddedikat għall-VIPs, u estensjoni tas-Sala Maria Ghirlando. Fl-istess waqt, se jiġi installat lift li se jipprovdi aċċess aħjar għall-bini u għat-teatru, kif ukoll faċilitajiet ta’ toilets ġodda fil-livell ta’ taħt l-art.

“Ix-xogħlijiet strutturali u ta’ restawr fit-Teatru Manoel huma impriża importanti sabiex it-teatru nazzjonali ta’ Malta jitħares u jiġi sostnut mhux biss għall-artisti tal-lum, imma anke għall-komunità artistika u kulturali tal-futur,” spjega l-Ministru Herrera.

Ir-rinnovazzjonijiet ewlenin tlestew fil-ħin ukoll għall-istaġun teatrali tal-2021-2022 tat-Teatru Manoel. Dan se jibda bil-kbir, bl-ispettaklu tal-ftuħ O – Tribut lill-Prof. Oliver Friggieri nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Ottubru, produzzjoni ġdida ta’ drama u żfin li nħolqot biex tagħti ġieħ lill-memorja tal-poeta, rumanzier, kritiku letterarju u filosfu leġġendarju Malti, Oliver Friggieri.

Il-programm ippakkjat għall-istaġun il-ġdid jinkludi wkoll il-Festival tal-Barokk tal-Belt Valletta u l-Festival Internazzjonali għat-Tfal u ż-Żgħażagħ ŻiguŻajg, kif ukoll recital ta’ xogħlijiet ta’ Chopin mill-pjanista rinomat Dmitry Ishkanov, kunċerti mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, u A Celebration of Opera bis-sehem tal-aqwa kantanti tal-opra lirika ta’ pajjiżna. The Twits ta’ Roald Dahl se jingħataw il-ħajja permezz ta’ kollaborazzjoni bejn it-Teatru Manoel u Masquerade Malta, waqt li Moveo Dance Company se jwasslu Frida / Four Seasons fuq il-palk nazzjonali. Sadanittant, Ir-Raġel li ħawwad lil Martu ma’ Kappell se joffri traduzzjoni bil-Malti ta’ The Man Who Mistook His Wife for a Hat ta’ Oliver Sacks. Kunċert fl-okkażjoni tal-Għid mill-Big Band Brothers mhux se jonqos milli jpaxxi ’l-udjenzi, u produzzjoni ġdida tad-dramm traġiku ta’ Shakespeare Othello, taħt id-direzzjoni ta’ Ian Moore, mistennija tkun daqstant ieħor eċitanti. L-istaġun teatrali li mhux ta’ min jitilfu se jagħlaq bl-ewwel produzzjoni mużikali teatrali maħduma internament, Sweeney Todd, b’mużika u lirika ta’ Stephen Sondheim.

“Kuntenti immens li qed nintroduċu l-istaġun eċitanti l-ġdid tat-Teatru Manoel billi niċċelebraw ir-restawr arkitettoniku tat-teatru nazzjonali li hu tant għal qalb il-Maltin,” qal is-Sur Zammit. “Dan l-istaġun vibranti jirrappreżenta nifs ġdid mhux biss għat-Teatru Manoel, iżda wkoll għall-komunità teatrali u l-udjenzi lokali. Il-programm jinkludi produzzjonijiet u kunċerti ta’ kwalità għolja li se jservu ta’ vetrina għall-firxa u t-talent straordinarju tal-artisti kemm lokali kif ukoll internazzjonali.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com