Ix-Xogħol f’Għawdex Żdied Minkejja L-Pandemija
Fl-2020, in-numru ta’ nies jaħdmu f’Għawdex laħaq rekord ta’ 14,313. Dan ifisser żieda ta’ 530 persuna fuq l-2019. Minn dawn, 434 kienu full-timers mas-settur privat. B’hekk, 8 minn kull 10 persuni li sabu xogħol f’Għawdex bdew jaħdmu full-time mas-settur privat.
Mentri, fl-2013 l-Għawdxin li jaħdmu full-time mas-settur pubbliku kienu 37% tal-ħaddiema Għawdxin kollha, fl-2020 dan il-proporzjon naqas għal 27% biss. Dan jindika kemm l-Oppożizzjoni hi żbaljata meta tgħid li l-impjiegi f’Għawdex qed ikunu biss fis-settur pubbliku.
F’sena ta’ pandemija, kellna żieda ta’ 434 full-timer mas-settur. B’kuntrast, fl-2012 kien hemm żieda ta’ 98 biss, jew 23% biss taż-żieda li kellna fl-2020. Dan jindika li minkejja l-pandemija, is-settur privat Għawdxi kien f’pożizzjoni li joħloq erba’ impjiegi full-time għal kull impjieg li kien kapaċi joħloq fl-2012.
Fost l-aktar setturi li żiedu l-impjiegi f’Għawdex fl-2020 kien hemm dak tas-servizzi professjonali u amministrattivi (bi tkabbir ta’ 249 impjieg), tas-servizzi ta’ rikreazzjoni (bi tkabbir ta’ 33 impjieg), il-kostruzzjoni (bi tkabbir ta’ 35 impjieg), u tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (bi tkabbir ta’ 28 impjieg).
Mill-2012 ’l hawn, l-ammont ta’ Għawdxin jaħdmu f’Għawdex stess żdied bi kważi 4,500 persuna, jew b’46%. Dawk jaħdmu full-time mas-settur privat żdiedu b’aktar minn 3,600, jew b’75%, li jfisser li, b’mod konsistenti, 8 minn kull 10 Għawdxin li bdew jaħdmu f’Għawdex kienu mas-settur privat.
Kull ġimgħa, mill-bidla fl-amministrazzjoni, kien hemm żieda ta’ 11-il Għawdxi jaħdem f’Għawdex stess. B’kuntrast, qabel l-2013, kull ġimgħa kien hemm żieda ta’ anqas minn 2. Din hija l-aqwa konferma li l-gvern qed iwettaq il-wegħda ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.
Barra minn hekk, il-maġġorparti tal-impjiegi ġodda kienu mas-settur privat. Meta wieħed iħares lejn impjiegi fil-gżira ta’ Għawdex, isib li filwaqt li qabel il-bidla fil-gvern, 58% kienu mas-settur privat, issa dan il-proporzjon tela’ għal 68%.
Fil-Baġit, il-gvern ser ikompli bil-ħidma biex Għawdex ikompli jkun mutur ekonomiku tal-prosperità ġdida ta’ pajjiżna – tkabbir ekonomiku li jkun aktar mifrux, aktar sostenibbli u aktar dinamiku.